Lokali Qorti

Il-karba tal-ħaddiema tal-Qorti biex jingħataw il-vaċċin baqgħet taqa’ fuq widnejn torox

Minkejja li ma waqfux jokorbu biex jieħdu l-vaċċin minħabba l-kuntatt li l-ħaddiema tal-Qorti jkollhom man-nies kontinwament kollox waqa’ fuq widnejn torox.

Anke l-kummenti li kien għadda wiċċ imb wiċċ fl-awla tal-Qorti l-Imħallef Francesco Depasquale lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne biex jibża’ għall-ħaddiema tal-Qorti, donnhom kienu bħal għajta fid-deżert.

Fl-1 ta’ Marzu fi tmiem il-kawża li d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia qed jagħmel kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex tliet sptarijiet jerġgħu jsiru tal-poplu, l-Imħallef Francesco Depasquale kien ħa x-xoqqa f’moxtha meta qabel ma ħareġ mill-awla qal lid-Deputat Prim Ministru biex ‘jeħodlu ħsieb lill-ħaddiema tiegħu’.

“Ħudli ħsieb il-ħaddiema t’hawn għax qed jaqgħu qishom dubbien”. Dan għamlu minħabba li s-sitwazzjoni fil-Qrati qed tkompli teskala f’dawk li huma każijiet tal-virus. Fil-fatt numru ta’ ġudikanti, avukati u ħaddiema spiċċaw jew ħadu l-virus, inkella spiċċaw kwarantina.

Il-Unjin tad-Deputati Reġistraturi tal-Qorti – li tirraprażenta l-maġġoranza tal-impjegati tal-Qorti – ilha titlob biex tintlaqa’ t-talba tagħha biex il-ħaddiemna tal-Qorti jibdew jieħdu l-vaċċin. 

Saħansitra aktar minn xahar ilu l-unjin kienet kitbet lill-Professur Charmaine Gauci għall-fatt li ma semgħu xejn dwar vaċċinazzjoni għall-istaff tal-Qorti. 

Din it-talba saret minħabba li x-xogħol tagħhom fil-Qorti kien qed ilaqqagħhom ma’ eluf ta’ nies differenti ta’ kuljum.  Illum minkejja li qegħdin isiru biss il-kawżi urġenti u dawk kriminali, ħaddiema bħal Marixalli xorta waħda jiltaqgħu ma’ ħafna persuni fix-xogħol tagħhom.

Il-ħaddiema tal-Qort qegħdin jilmentaw li ħaddiema oħrajn bħal dawk tal-Maltapost u l-ARMS Ltd. ħadu dan il-vaċċin diġà u huma le. Dan huwa każ fejn verament kif jgħid il-Malti – ‘minn widna tidħol u mill-oħra torħroġ.’