Internazzjonali

Il-Knisja ‘ma tistax tbierek’ relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess

Il-Knisja Kattolika mgħandhiex il-poter biex tbierek unjoni — jew relazzjoni — bejn persuni tal-istess sess, skont stqarrija mill-Uffiċċju tal-Vatikan li hu responsabbli għad-duttrina.

Il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi stqarret li ‘hi ħaġa impossibbli li Alla jbierek il-ħażen’ u li ‘il-persuni li jidħlu għal dawn it-tipi ta’ relazzjonijiet jagħmlu hekk bħala għażla personali’. Intant, l-istess Uffiċċju tal-Vatikan anki nnota ‘elementi pożittivi’ fir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess.

Il-Papa Franġisku, f’Ottubru, kien qal f’dokumentarju li ‘jaħseb li l-koppji tal-istess sess għandhom ikollhom żwieġ ċivili’.

Intant il-Papa, issa, approva r-reazzjoni tal-Uffiċċju tal-Vatikan u qal li ‘din ma kenitx intenzjonata bħala forma ta’ diskriminazzjoni inġusta iżda — aktar minn hekk — qed tirrifletti element li jfakkar fil-verità tar-rit liturġiku taż-żwieġ’.