Lokali

Il-PN isejjaħ għall-irtirar ta’ abbozz ta’ liġi li jikser id-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina u tad-Drittijiet tal-Bniedem Therese Comodini Cachia sejjaħ lill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis biex jirtira l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpetazzjoni. Fi stqarrija, l-PN qal li dan l-abbozz imur kontra l-Kostituzzjoni u jnaqqas mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq li tgawdi kull persuna skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.

Matul dawn l-aħħar jiem l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Ministru mhux biss ġie kkritikat mill-Oppożizzjoni iżda wkoll minn:

● L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr Giovanni Bonello.

● L-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta u espert dwar il-liġi kostituzzjonali, il-Professur Kevin Aquilina.

● L-eks Kummissarju Ewropew u espert dwar il-liġi kostituzzjonali, Dr Tonio Borg.

● L-eks Imħallef tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u eks Avukat Ġenerali, Dr Antony Borg Barthet.

● L-espert dwar il-liġi kostituzzjonali, Dr Austin Bencini. ● Il-Kamra tal-Avukati.

Għalhekk quddiem dan kollu, l-Oppożizzjoni tinsisti li l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis għandu minnufih jirtira l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni. L-Oppożizzjoni qed tieħu din il-pożizzjoni għaliex temmen li l-Parlament m’għandux jiddiskuti u japprova liġijiet li jkunu manifestament kontra l-Kostituzzjoni u li jnaqqsu mid-drittjiet fundamentali li kull persuna tgawdi skont il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.