Hemm bżonn kontroll immedjat għax is-sitwazzjoni ma tistax tibqa’ kif inhi. Il-pajjiż irid direzzjoni u hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ilu jippreżenta l-proposti tiegħu sa mill-bidu tal-ewwel mewġa u se jibqa’ jagħmel hekk għall-ġid tal-poplu.
Hekk stqarr il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri f’konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tenna l-importanza li pajjiżna jaqleb għal Stat ta’ Emerġenza Medika, ladarba l-Partit Nazzjonalista jemmen fis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika u fil-professjonisti mediċi li jaħdmu magħha.
Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob miżuri li jsiru b’viżjoni, fejn anke nistgħu nieħdu t-tagħlimiet li sfortunatament għaddew minnhom pajjiżi oħrajn. Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll it-twaqqif ta’ Scientific Advisory Board, li jkun magħmul mill-professjonisti li jifhmu fis-settur.
Filwaqt li kkritika lill-Gvern għall-messaġġi kunflinġenti u t-tamiet foloz li qed jagħti lill-poplu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dewmien fid-deċiżjonijiet u anke fi proċessi bħal tal-contact tracing wasslu biex il-virus ikompli jinxtered.
Hu qal li min qed imur fl-Isptarijiet tagħna għal trattamenti mhux relatati mal-Covid-19 qed ikollhom jistennew aktar, ladarba l-frontliners tagħna huma meħlubin bl-isfidi tal-pandemija. Dan filwaqt li kkwota lill-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba (MAM) Martin Balzan, li kkonferma kif għalih ukoll, il-Gvern mhux qed jieħu l-pariri tax-Xjentisti.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Claudette Buttigieg – li hi parti mill-Covid Action Team tal-Partit Nazzjonalista – tenniet l-appell tal-Partit għat-trasparenza fit-tqassim tal-vaċċin, ladarba l-vaċċin hu għodda importanti fil-ġlieda kontra l-virus, għalkemm mhix l-unika għodda li għandna nħarsu lejha.
Claudette Buttigieg kienet qed tikkummenta għad-diversi rapporti li qed jaslu għand il-Partit Nazzjonalista dwar persuni li qed jirċievu l-appuntamenti għall-vaċċin minkejja li jkunu diġà tlaqqmu u oħrajn li qed jingħataw il-vaċċin mingħajr ma jkunu rċievew in-notifika.
Id-Deputat Nazzjonalista qalet li l-ħidma tal-professjonisti hi imprezzabbli u għalhekk, hi ħasra li dawn qed ikunu injorati minn Robert Abela u l-Gvern tiegħu. Tenniet li s-sistema li qed juża’ l-Gvern falliet għax Robert Abela qed imexxi b’Management by Crisis, ladarba hu reattiv u mhux propożittiv.
Min-naħa l-oħra, qalet li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li f’pajjiżna wkoll jinħoloq Covid Scientific Advisory Team, li diġà qed naraw li qed jaħdem f’pajjiżi oħrajn, bħal fir-Renju Unit.
//= $special ?>