Lokali Parlament

Inġustizzji ma’ ħaddiema fiċ-Ċivil

Ivan Bartolo,PN

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fl-Aġġornament tal-parlament li fis-settur publiku qed isiru inġustizzji ma’ diversi ħaddiema.

Hu sostna li l-PL ken rebaħ l-elezzjoni b’numru ta’ frażijiet fosthom ’tista’ taħdem magħna anki jekk ma taqbilx magħna’. Dawn huma frażijiet li jdaħħqu għaliex fiċ-Ċivil qed ikunu mwarrbin, sostna Ivan Bartolo, li kompla li hemm ħaddiema li qed ikunu mhedda fuq il-post tax-xogħol jekk ma jagħmlux kif jordnawlhom ta’ fuqhom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li hemm impjegati li qed jispiċċaw fuq skrivaniji ma jagħmlu xejn; din hi tbatija kbira għal dawn il-ħaddiema. Ivan Bartolo kompla li fl-istess ħin li l-Gvern Laburista wiegħed lill-ħaddiema taċ-Ċivili li se jkunu iktar utli fir-realtà seħħ bil-kontra.

Il-Gvern Laburista rabba arroganza mal-ħaddiema kollha anki fil-parlament, sostna Ivan Bartolo, li qal li l-Gvern jipprova jżebblaħ l-appelli tal-PN biex jibdel ir-raġunar tiegħu u fil-mod kif ibiddel il-liġijiet. Il-Gvern Laburista żera’ żerriegħa kontra s-sewwa u issa qed jaqta’ l-frott taż-żerriegħa li żera’ hu stess.

Il-PL iddikjara mod u wettaq mod ieħor meta kien elett fil-Gvern, sostna Ivan Bartolo, li kompla li qed ibatu ċ-ċittadini kollha. Il-valuri u l-prinċipji tal-PN jagħti priorità fuq il-welfare state; din hi lingwa li tinftiehem mill-poplu, sostna d-deputat Nazzjonalista.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-poplu qed iġorr il-ktajjen u jara ‘l quddiem bla ma jaf fejn sejjer.