Coronavirus Lokali Saħħa

It-taqsima tal-Kura Intensiva tinsab taħt pressjoni

L-isptar Mater Dei, illum aktar minn qatt qabel, jinsab taħt pressjoni kbira.

Wara li pajjiżna fl-aħħar ġimgħat ra numri rekord ta’ każijiet tal-virus, l-isptar sab ruħu taħt stress kbir, tant li fl-aħħar jiem kellha tinfetaħ ukoll is-sitt taqsima tal-kura intentsiva.

Net News irċieva informazzjoni li l-konsulenti f’Mater Dei qed iħejju ruħhom għal dak li qed ibassru li se jkun l-agħar perjodu għall-isptar sa minn meta faqqgħet din il-pandemija.

Fi kliem dawn il-konsulenti, is-sitwazzjoni fl-isptar hija kritika, u Mater Dei issa jinsab kważi mimli.

Ħaddiema li tkellmu magħna esprimew tħassib dwar x’jiġri f’kaz li jinqala’ inċident kbir f’pajjiżna – tħassib rifless ukoll mill-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Martin Balzan li spjega kif l-akbar pressjoni qegħda fuq il-kura intensiva.

Il-President tat-Tobba appella għal darboħra lill-poplu sabiex kemm jista’ jkun joqgħod id-dar.

B’hekk wieħed ikun mhux biss qed jipproteġi lilu nnfisu imma jkun qed jgħin ukoll sabiex tittaffa l-pressjoni fuq l-isptar u l-ħaddiema tas-saħħa.