Lokali Qorti

Jinżamm arrestat b’rabta mal-‘hold-up’ f’Bormla

Bormliż bi problema kbira ta’ droga u li għandu 43 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti b’rabta mal- ‘hold-up’ li seħħet nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tas-1.00pm. f’Bormla stess.

Duncan Debono ġie mixli quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit b’serq aggravat. Is-serqa seħħet minn ħanut tal-merċa fi Triq l-Oratorju, bl-akkużati jiġi mixli b’serq aggravat liema somma misruqa ma’ teċċedix l-€2,333.

Allegatament l-akkużat kien armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxiera, mara ta’ 61 sena residenti Marsaxlokk. Huwa ġie mixli wkoll li ssekwestra lil anzjana, li ġarr sikkina mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, Finalment ġie akkużat ukoll li sar riċediv.

Saret talba mill-Avukat Christian Camilleri għal libertà proviżorja bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba l-biża ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li jista’ jwettaq xi reat ieħor minħabba l-problema tad-droga. Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għal libertà proviżorja. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lydon Zammit u Stephen Gulia.