Kien Somalu ta’ 32 sena li wassal lit-tifla ta’ seba’ snin u lil ommha bioloġika fil-11 ta’ Ottubru li għadda sa l-ajruport internazzjonali ta’ Malta u li sussegwentement ħarbu mill-pajjiż. Dawn qabdu titjira lejn Franza, bid-dokument tat-tifla ma kienx jgħajjat lil isimha.
Bħalissa qed isir minn kollox biex it-tifla Arsema tinġieb lura Malta wara li sa ftit ilu permezz tal-mobajl t’ommha kienet lokalizzata fil-Belġju wara perjodu fi Franza. Il-ġenituri li kienu qegħdin irabbuha għadhom sa issa ma jafux x’ġara mit-tifla li rabbew b’tant għożża.
It-tifla ta’ seba’ snin kienet imrobbija minn ġenituri li joqgħodu l-Birgu wara li din spiċċat maħtufa minn ommha bijoloġika, hekk kif kienet fostered minn familja li ilha tieħu ħsiebha sa minn mindu kellha biss sitt xhur. L-omm bijoloġika tat-tifla kien tieħodha għal ftit sigħat darba kultant żmien.
L-Ispettur John Spiteri kien qed jixhed fil-każ ta’ Ahmed Mohamed Said quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn qed jiġi mixli li huwa l-moħħ fil-bejgħ ta’ diversi passaporti foloz u permessi ta’ residenza.
Spiteri, li fil-Qorti ppreżenta diversi dokumenti fosthom rapport fuq tifla nieqsa magħmul minn social worker u żewġ foster carers, flimkien ma’ ritratti u dokumenti oħra mportanti li wasslu biex jitressaq is-Somalu akkużat b’użu ta’ dokumenti rregolari.
Huwa qal li sar ħafna xogħol fuq il-lokaliżazzjoni tal-mobajls tal-akkużat u anke tal-omm bioloġika tat-tifla. Tenna li l-ewwel tentattiv biex omm it-tifla tħalli Malta kien fis-7 ta’ Ottubru li għadda fejn kienu diġa nxtraw xi biljetti tal-ajru, iżda din ma setgħetx tagħmel dan minħabba li kien hemm problema fuq il-passaport tat-tifla.
Sadanittant fil-11 ta’ Ottubru il-mara u bintha rnexxielhom jaqbdu t-titjira KM478 lejn l-ajruport ta’ Charles De Gaule, f’Pariġi fejn kollox jindika li t-tnejn telqu b’dokument mhux tagħhom, fejn kien hemm varjazzjoni fl-isem.
Kien arrestat ukoll Somalu ieħor fejn wara nvestigazzjonijiet tal-Pulizija ħareġ li kien hu loi xtara l-biljetti tal-ajru tal-omm u l-bint. Wara ħafna stħarriġ dan is-Somalu kien arrestat u qalilhom li peress li hu għandu VISA kemm il-darba jkun imqabbad jagħmel dan ix-xogħol għal Somali oħrajn li jkunu jridu jħallu Malta.
Huwa qal lill-Pulizija li ma kienx jaf lil mara, imma kien mqabbad biex jixtrilha l-biljetti. L-Ispettur Spiteri qal li l-Pulizija osservat ukoll il-filmati mis-CCTV’s tal-madwar u ġewwa l-ajruport u ġie nnutat li xi ħadd kien wassal lil omm u t-tifla f’karozza blue sal-arrivals tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Il-persuna li wassalhom kien raġel.
Kompla li huma vverifikaw in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kaozza li kienet Toyota Yaris u waslu għal persuna li fuq isimha kellha l-karozza. Dan qalilhom li huwa kien isellef il-karozza lil ħaddieħor fosthom lill-akkużat li dak inhar riedha għax qallu li kellu bżonn jagħmel xi qadi.
Meta komplew l-investigazzjonijiet instab li n-numru tal-mobajl tal-akkużat kif ukoll tal-mara li ħatfet lil bintha, fejn dawn kienu lokaliżżata l-ajruport dak inhar li ħarbu minn Malta. Irriżulta li Ahmed Mohamed Said kien mar għal mara tas-Sliema, u saq sal-ajruport.
Minn aktar stħarriġ irriżulta li ftit wara li waslet l-ajruport il-mobajl tal-mara intefa’. Aktar tard dan ġie lokaliżżat fi Franza u wara nformazzjoni oħra li l-mobajl kien qed juri li kien fil-Belġju. Flimkien mal-Ispettur John Spiteri qed jgħinu fl-operazzjoni l-Ispetturi Dorianne Tabone u Frankie Sammut. Għall-akkużat deher l-Avukat Arthur Azzopardi.
Il-Pulizija temmen li dokumenti foloz kienu qed jintużaw minn partijiet terzi. Ahmed ġie arrestat it-Tlieta, 13 ta’ Ottubru wara rejd fid-dar tiegħu f’Marsaskala. Il-Pulizija sabu diversi dokumenti foloz u dokumenti misruqa. Il-każ se jkompli fil-25 ta’ Marzu fid-9.00am.
//= $special ?>