Internazzjonali

L-Iran iħeġġeġ biex l-Istati Uniti twarrab is-sanzjionijiet

Kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Tehran qalu li l-Istati Uniti għandha tneħħi s-sanzjonijiet li ilhom imposti fuq l-Iran għal dawn l-aħħar snin.

L-Iran irid ukoll li l-Istati Uniti tagħti l-garanziji li ‘ma tirrepetix l-iżbalji li saru taħt il-Gvern tal-ex President Amerikan, Donald Trump’.

Il-kelliema sostnew li ladarba l-Istati Uniti tirtira s-sanzjonijiet u tagħti ‘il-garanziji mixtieqa’,  il-Gvern Iranjan ikun jista’ jiddiskuti l-iżviluppi li jmiss  ‘b’relazzjoni mal-Pjan Konġunt għal Azzjoni Komprensiva (JCPOA)’ li jitratta l-aspett nukleari.

Intant,  il-President Amerikan Joe Biden offra li jissieħeb mal-pajjiżi tal-Ewropa f’impenn biex jistimola l-ftehim nukleari storiku– f’dan il-każ il-JCPOA – li l-Iran kien laħaq mas-sitt potenzi nukleari ewlenin tad-dinja fl-2015.

Filwaqt li Donald Trump kien irtira pajjiżu mill-ftehim fl-2018 ( waqt li reġa’ impona s-sanzjonijiet fuq l-Iranjani) l-Iran, issa, qed jesiġi wkoll biex l-Istati Uniti ‘tissieħeb mill-ġdid fil-patt, minbarra li tneħħi s-sanzjonijiet preżenti’.