Futbol Sport

Żewġ telfiet fi ftit sigħat għall-iSport Malti

Illum l-iSport Malti tilef żewġ minn nies li llhom snin twal, u mhux ftit, jagħtu servizz lill-futbol lokali, b’ħidma amministrattiva fit-tmexxija ta’ klabb. Dawn huma Tony Bezzina u Vincent Tabone, it-tnejn kienu llhom parti mill-kumitati ta’ Hibernians u Valletta rispettivament, f’rwoli differenti minn ta’ xulxin, għal aktar minn 40 sena.

Bezzina, hu l-President ta’ Hibernians. Persuna maħbuba ferm li għexet ħajjitha b’appoġġ kontinwu għall-klabb tal-futbol ta’ Raħal Ġdid, iżda mhux biss, għen u kien ta’ sostenn għal dixxiplini oħra sportivi tal-lokalitá. Hu ħa t-tmexxija tal-klabb f’Ġunju tal-1978 u mexxa lil Hibernians għar-rebħ ta’ xejn inqas minn tmien Kampjonati, minn total ta’ 11-il Kampjonat Premier li sal-lum Hibernians rebħu fl-istorja tagħhom. Taħt it-tmexxija ta’ Bezzina, Hibernians rebħu ukoll seba’ FA Trophies u tliet Tazzi Super Cup. Fis-snin kollha li għamel bħala President, Bezzina u Hibernians ikkwalifikaw għal post fl-Ewropa, f’waħda mid-diversi kompetizzjonijiet tal-UEFA, għal xejn inqas minn 22 darba. Minn dawn id-drabi kien hemm tliet staġuni minnhom fejn Hibernians issuperaw rawnd Ewropew, bl-aħħar darba tkun dan l-istaġun. Hu kien għadu jservi ukoll fir-rwol ta’ Chairman tal-Premier League Standing Committee.

Tabone, hu membru veteran fil-kumitat ta’ Valletta. Hu kien llu jifforma parti mill-kumitat ta’dan il-klabb għal dawn l-aħħar 40 sena, fejn fost l-oħrajn kien ukoll id-Direttur tal-Klabb. Hu kien parti mis-suċċessi ‘l kbar ta’ dawn l-aħħar snin ta’ Valletta, fosthom ir-rebħ ta’ 14-il Kampjonat Premier, seba’ FA Trophies, it-Tazza taċ-Ċentinarju tas-sena 2000, u n-National League 100 Anniversary Cup, li kienet intlagħbet fis-sena 2010. Dan biex ma nsemmux suċċessi oħra li anke Tabone kellu sehem fihom fuq livell amministrattiv, inkluż ukoll l-għaxar drabi f’disa’ staġuni differenti li Valletta ssuperaw rawnd ta’ kompetizzjoni Ewropea.

Tim Sport Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Tony Bezzina u Vincent Tabone

Iċ-Chairman ta’ Tim Sport Partit Nazzjonalista, Christian Micallef, għan-nom tal-Eżekuttiv kollu, sellem il-memorja ta’ dawn it-tnejn u rrefera għalihom bħala l-ġentlomi tal-iSporti Malti.

“Diffiċli biex tqabbel lil Tony u lil Vincent, għaliex kienu żewġ persuni differenti minn xulxin, iżda kellhom xi ħaġa waħda inkomuni u li kienet tagħmilhom daqstant maħbuba minn kulħadd, inkluż mill-klabbs avversarji tagħhom: it-tnejn kienu leali lejn il-klabb, ħadmu mingħajr qatt ma stennew xejn lura, u t-tnejn kellhom personalitá u karattru tal-ġenn li meta kont isir tafħhom kont issir tħobbhom mingħajr ma trid. Tlifna tnejn mill-kbar tal-futbol Malti, Kondoljanzi sinċiera lill-familjari tagħhom,” qal Micallef.