Coronavirus Lokali Saħħa

3 vittmi oħra tal-Covid-19 – 313 każ ġdid

Tliet vittmi oħra kaġun tal-Coronavirus f’pajjiżna, biex mill-bidu ta’ Marzu sa issa kellna 42 mewta. L-ammont totali ta’ mwiet kaġun tal-virus telgħu ghal 357, bi 22 minnhom ikunu fatalitajiet li seħħew fl-aħħar ġimgha.

L-aħħar vittmi konfermati t-Tlieta huma żewġ nisa ta’ 70 sena u raġel ta’ 73 sena – it-tlieta mietu fl-isptar Mater Dei.

Bejn it-Tnejn u t-Tlieta mill-ġdid kellna 313-il każ ġdid tal-Covid-19 biex sa nofs din il-ġimgħa diġà kellna 1,092 każ. Il-każijiet attivi telgħu għal 3,113.

Aħbar tajba hi li fl-aħħar sigħat fiequ 215 persuna mill-Covid-19 biex issa l-ammont totali ta’ persuni li fiequ huwa dak ta’ 23,591.

Il-każijiet totali ta’ persuni li kellhom il-Covid minn Marzu tas-sena li għaddiet ‘l hawn hu 27,061.

Sa issa 126,277 ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin, 40,681 ħadu t-tieni doża.

Dawn in-numri qed ikomplu jitfgħu pressjoni kbira fuq l-isptar Mater Dei hekk kif illum aktar minn qatt qabel il-ħaddiema tas-saħħa jinsabu taħt pressjoni kbira.

Wara li pajjiżna fl-aħħar ġimgħat ra numri rekord ta’ każijiet tal-virus, l-isptar sab ruħu taħt stress enormi tant li nfetħet ukoll is-sitt taqsima tal-kura intensiva.

Net News irċieva informazzjoni li l-konsulenti f’Mater Dei qed iħejju ruħhom għal dak li qed ibassru li se jkun l-agħar perjodu għall-isptar sa minn meta faqqgħet din il-pandemija. Fl-aħħar jiem tkellmu wkoll it-tobba, permezz tal-MAM, illi kkonfermaw li l-ħaddiema tas-saħħa qed jaħdmu taħt pressjoni bla preċedent.