Lokali

41 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

F’filmat ippubblikat online, f’forma ta’ velja virtwali, fil-jum li fakkar il-41 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-għaqda Repubblika u Occupy Justice permezz ta’ diversi kelliema, minn quddiem il-Qorti insistew illi se jibqgħu jistinkaw biex issir ġustizzja.

Il-messaġġ kien wieħed ċar: “Għadna nistennew ġustizzja – Qatt ma nieqfu nitolbu ġustizzja għal Daphne u l-istejjer tagħha – Aħna hawn qegħdin u hawn se nibqgħu”

Tul il-vġili ma naqsux il-messaġġi diretti lill-Prim Ministru Robert Abela fejn Repubblika saħqu li ħadd mhu jemmen lill-Prim Ministru għaliex tilef il-kontroll ta’ kollox u ma jista’ jikkontrolla xejn.

Repubblika fakkru kif Robert Abela qed jhedded li jekk jibqgħu jikkritikaw lill-Gvern tiegħu, se jagħmilha difficli biex din l-għaqda tas-soċjetà ċivili tibqa’ teżisti.

“Ahna mhux se nċedu, kieku mhux se nibqgħu niġu hawn għal 41 xahar – Mhux se nbaxxu l-volum.” iddikjaraw Repubblika.

Waqt din il-vġili għamlu l-intervent tagħhom, Alessandra De Crespo, Neil Smart Costantino, Paula Fleri Soler u Vicki Ann Cremona.