Lokali

“Binti jixirqilha li tgħix”

“Binti jixirqilha li tgħix… se nagħmel minn kollox biex inżomm lil binti ħajja”

Appell imqanal minn Edwin Vella… missier tfajla ta’ 26 sena li tbati mill-kundizzjoni tas-cystic fibrosis. Huwa qed jitlob lill-Gvern biex bintu tkun provduta  b’mediċina approvata mill-UE li tista’ ssalvalha ħajjitha.

Il-professur li jieħu ħsieb lil Mandy kien ċar kristall fi kliemu… “Jekk mhux se tiehu dawn il-pilloli, it-tifla se tmut”

Ftit tal-jiem ilu Mandy Vella kellha tiddaħħal għall-kura fl-Isptar Mater Dei wara  infezzjoni li affettwatilha l-pulmun.

Missierha jgħid li għandha bżonn b’mod urġenti trattament ta’ €18,000 fix-xahar imsejjaħ Trikafta, li ġie approvat mill-UE f’Awwissu tas-sena li għaddiet iżda bħalissa mhux disponibbli f’Malta.

Missier Mandy jgħidilna li ilu għaddej minn martirju għal dawn l-aħħar 25 sena u għalhekk jispera li l-għajta tiegħu tinstema’.

Huwa qal li filwaqt li jifhem li l-ispiża kienet waħda għolja, speċjalment waqt li ninsabu għaddejjin minn pandemija, din il-mediċina hija l-unika terapija disponibbli biex tgħin lil bintu.

Edwin Vella jinsab imweġġa’ ferm hekk kif jidher li ħadd inkluż il-Gvern mhu qed jagħti każ il-karba tiegħu.

Is-cystic fibrosis hija marda ġenetika li taffettwa l-frixa u tattakka wkoll il-pulmun.  Dan jista’ jwassal  ukoll għal problemi respiratorji kif ukoll kumplikazzjonijiet oħra bħal infezzjonijiet u dijabete.