Il-Kamra tal-Inġiniera rrikonoxxiet li l-strateġija fit-tul tal-Partit Nazzjonalista għas-settur tal-enerġija hija fundamentali biex tassigura futur sostenibbli għall-pajjiżna permezz ta’ investiment studjat f’sorsi ta’ enerġija rinovabbli u teknoloġiji li huma ppruvati.
Dan intqal mill-President tagħha, l-Inġinier Malcolm Zammit, waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-Viżjoni tal-Futur tal-Enerġija għat-30 sena li ġejjin imħabbra ftit ġimgħat ilu mill-Kap tal-Oppozizzjoni Bernard Grech. Il-Kamra emfasizzat wkoll li l-professjoni tal-inġinerija għandha sservi ta’ pedament għas-settur tal-enerġija f’Malta u l-inġiniera għandhom ikunu kkunsidrati vitali f’kull aspett tas-settur biex nassiguraw li l-effettivita’ tas-soluzzjonijiet tkun garantita.
Il-preżentazzjoni saret mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Callus, li sostna li din l-istrateġija se tkun il-bażi għall-ħolqien ta’ numru ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalita’ f’pajjiżna, bil-ħolqien ta’ settur marbut mal-ekonomija l-ħadra, li huwa wieħed reżiljenti u ambjentalment nadif.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Infrastruttura Toni Bezzina flimkien mal-membri tal-Eżekuttiv tal-Kamra tal-Inġiniera.
//= $special ?>