Lokali

Il-kollass fis-sistema tal-contact tracing

“Il-Gvern m’għandux jaħbi u m’ghandux jipprova jżejjen is-sitwazzjoni preżenti tal-contact tracing f’pajjiżna, iżda għandu jkun onest u jghid il-verita’.”

Jiddikjara dan l-editorjal tal-Malta Independent fejn jishaq li l-contact tracing jinsab disa’ t’ijiem b’lura. Dan minhabba li t-timijiet tal-contact tracing jinsabu taħt pressjoni kbira u ma għandhomx riżorsi biżżejjed biex ilaħħqu mal-każijiet li qed jiżdiedu b’mod qawwi kuljum.

Iżda b’xi mod il-Gvern qed jipprova jaħbi is-sitwazzjoni prezenti, fejn ftit tal-jiem ilu, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne indika li tal-contact tracing qed jieħdu mhux aktar minn 24 siegħa biex jikkuntatjaw lil dawk il-persuni li rriżultaw pożittivi, u erba’ t’ijiem biex jilħqu lil dawk il-persuni li kellhom kuntatt ma’ persuna pożittiva.

Skond l-Editorjal tal-Independent jidher ċar illi l-Gvern qed jipprova jaħbi l-fatt li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 ħarbitilhom minn taħt idejhom, u qed tfixkel lill-ħaddiema ta’ dan is-settur milli jagħmlu xogħolhom. “Kien hemm żmien fejn il-ħaddiema tagħna kienu jinfurmaw lil xi ħadd li jinstab pożittiv qabel ma jċempel it-tabib, iżda issa.. dan m’għadux il-każ. Bħalissa ninsabu fl-agħar punt tal-pandemija.”

L-Editorjal isostni illi matul il-ġimgħa li għaddiet, f’diversi tentattivi li saru matul il-ġurnata sabiex jaqbdu il-linja 145, dan kien kollu ghalxejn. Dan m’huwiex aċċettabbli meta bħalissa ninsabu fi kriżi li tinsab fl-aqwa tagħha, jikteb l-editur tal-Independent.

L-editorjal jinsisti illi l-awtorijtajiet għandhom jieħdu l-passi neċċessarji bħal per eżempju iżidu ir-riżorsi umani sabiex t-teams tal-contact tracing u tal-immaniġġjar tal-każijiet ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom kif suppost. Apparti dan, il-Gvern m’għandux jgħaddi messaġġi lill-poplu Malti biex juri li l-pandemija għaddiet jew li s-sitwazzjoni prezenti mhix serja. Il-Gvern għandu jkun trasparenti u jgħid il-verita.