Lokali Qorti

WARA X-XHIEDA TAL-KOĦĦU: Min hu l-Ministru involut?

Fil-perjodu ta’ meta kien seħħ il-‘hold up’ tal-HSBC f’Ħal Qormi l-eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona qal lil Vincent Muscat, li l-kollega tiegħu tiegħu fl–uffiċċju legali l-Avukat David Gatt kien ħeba 300 gramma kokaina.

Cardona kien qal lill-“Koħħu” li kien inkwetat u qallu, “x’għamilli Ċens ħbihom fis-soffitt u ġew ifittxuli.” Vincent Muscat mill-Marsa magħruf bħala “Il-Koħħu” qal dan meta beda jiffaċċja l-mistoqsijiet tal-Avukat Jason Azzopardi fil-kumpilazzjoni tal-aħwa Degiorgio akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru, 2017 permezz ta’ karozza bomba.

L-Avukat Azzopardi staqsa dwar ir-relazzjoni li kellhom Cardona u Gatt, b’Muscat iwieġeb li li dawn kienu ħbieb intimi mal-aħwa Degorgio. L-Avukat Azzopardi staqsa wkoll lill-Koħħu fuq dak li xehed il-ġimgħa u talbu jispjega kif ma beżgħux imorru għand Ministru jitolbu l-għajnuna jew xi informazzjoni.

“Lanqas xejn, Sinjura Maġistrat. Konna nafdawh lil Chris Cardona,” wieġeb Muscat. Huwa kkonferma wkoll li hu u sħabu kellhom l-għajnuna materjali ta’ Ministru preżenti. Sadanittant waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija minn naħa tad-difiża, Muscat qal li Alfred Degiorgio kien qallu li Chris Cardona kien jagħthom l-informazzjoni.

Muscat ta’ 59 sena qal ukoll li kien hemm pjan biex tinqatel persuna prominenti fil-Korp tal-Pulizija u tenna li dwar dan il-qtil kellhom x’jaqsamu Jamie Vella u Robert Agius.

Muscat qal ukoll li sa fejn jaf hu l-bomba, li ntużat biex inqatlet Daphne Caruana Galizia nġiebet bil-katamaran. Tenna wkoll li ma kinitx kunsinja ta’ bomba waħda, imma nġiebu tliet bombi li ħadu l-pussess tagħhom bejn Awwissu u Settembru.

Huwa qal ukoll l-pjan biex tinqatel il-ġurnalista kien li dan iseħħ fl-2015. Dan iżda ma seħħx għax ma kienux tħallsu. George Degiorgio kien qallu li kellu jkun wara nofsinhar, bejn is-1pm u s-2pm li se jġibulhom il-bomba. 

Dak il-ħin hu u Alfred Degiorgio baqgħu sejrin biha l-garaxx fin-Naxxar. Kellhom ċwievet tal-garaxx, għax hemm kellhom karozza misruqa. Fuq din George Degiorgio kien qallu li Robert Agius Ta’ Maksar se jħallilu karozza l-Mosta biex idaħħalha ġol-garaxx. Din kienet għandhom għal meta jkollhom bżonnha.

Kienu miftehmin ma’ Robert Agius u Jamie Vella biex jispjegawlhom kif taħdem il-bomba li kienet fl-but ta’ wara tal-karozza. Agius u Vella bdew jispjegaw lil Alfred Degiorgio kif taħdem il-bomba.

Dwar jekk kienux jinħbew xi affarijiet ġol-katusa fil-garaxx, Muscat wieġeb fin-negattiv u qal li kien hemm bieb u Alfred Degiorgio kien fetħu biex jara għal fejn jagħti. Hemm sabu katusa daqsxejn ħoxna, bdew jikkunsidraw li jaħbu xi affarijiet hemm wara li jwettqu d-delitt.

Dwar il-messaġġ li ntbagħat biex jattiva l-bomba qal li kien twil ħafna, b’ħafna kliem u numri. Muscat qal li milli sema’, meta l-bomba tkun fejn it-tajer tagħmel differenza minn meta tkun taħt is-seat.

Ma kienx hemm ħafna żmien, tenna Muscat, meta lemħu lil xi tfajliet u ġuvintur deħlin fid-dar ta’ Daphne Caruana Galizia, minn meta seħħ id-delitt.

Muscat beda x-xhieda tiegħu jirrispondi għadd ta’ mistoqsijiet tal-Avukat Jason Azzopardi fuqu nniffsu. Qal li huwa kien beda jaħdem bħala mastrudaxxa u li kien mar ukoll jaħdem il-Libja għal tliet xhur mal-aħwa Degiorgio li ilu jafhom bejn 35 u 40 sena.

Kompla li bejn l-2012 u l-2013 Alfred Degiorgio kien il-ħabs u kien imur jarah. Tenna li kienu jafdaw lil xulxin sew għax kienu ħbieb kbar. Dwar it-tinda tal-patata qal li din qabel kienet club tar-regatta. Hu, l-aħwa Degiorgio u xi nies oħra kienu jħobbu jmorru hemm.

Il-post (it-tinda) hija propjetà tal-Gvern u l-parti tal-lemin tagħha fuq ġewwa kien jużaha hu. Qal li kien ikun preżenti meta kienet tkun qed tinbena u ċ-ċwievet daqq kien iżommhom hu u daqqa l-aħwa Degiorgio.

Muscat qal li kien imur ta’ spiss hemm, normalment kull filgħodu u joqgħodu jitkellmu. ikkonferma li taħt it-tinda kienu jmorru ħdejh numru ta’ persuni mill-Marsa. Dawn anke kien hemm minnhom minn Dipartimenti tal-Gvern.

Fuq meta kien mar hemm Robert tal-Maksar kien ikollu miegħu persuni oħra. Kien laqqgħu wkoll ma’ Adrian. Qal li ġieli tkellmu wkoll fuq l-Avukat Carmel Chircop. Qal li kemm il-darba kien imur ukoll eks plejer tal-futbol.

“Jekk mhux sejjer żball Jamie Vella u Robert Agius kienu jmorru taħt it-tinda bejn l-2015 u l-2016. Dwar Chris Cardona huwa kien sar jafu fl-2010. Kien l-Avukat tiegħi fil-każ tal-HSBC f’Ħal Qormi. Kont niltaqa’ wkoll ma’ Cardona fil-ħanut Stables fil-Belt Valletta,” qal ix-xhud.

Kompla li kien l-Avukat David Gatt li kien jaħdem fl-uffiċċju ta’ Chris Cardona li kien jieħdu f’dan il-ħanut, Darba kien tkellem ma’ Chris Cardona u dan qallu dwar każ fejn l-Avukat David Gatt kien ħeba madwar 300 gramma ta’ kokaina fl-uffiċċju tiegħu.

Dan kien qabel ma Cardona kien sar Ministru, imma kien Membru Parlamentari. Dan kien fil-perjodu ta’ meta seħħet il-‘hold-up fuq l-HSBC. “Kont qed nixrob f’ħanut fis-Siġġiewi magħruf bħala “Ta’ Polly” . Cardona qalli, ‘x’għamilli Ċens, ġew iffittxuli, ħbihom fl-uffiċċju tiegħi, Gatt ħeba d-droga ġewwa soffitt.

Dwar meta sar jaf lill-Avukat David Gatt, Muscat qal li dan kien meta kien involut fil-‘hold-up’ tal-HSBC. Chris Cardona kien qallu li l-Avukat Gatt kien se jieħu ħsieb il-każ. Tenna li Gatt qatt ma żaru l-ħabs.

Wieħed mill-aħwa Degiorgio kien qallu li meta kienu arrestati li wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kellhom jistaqsu għall-Avukat David Gatt. Ix-xhud qal li Arnaud kien staqsih min kien l-avukat tiegħu u qallu David Gatt. Muscat qal lill-Qorti li Gatt iżda ma deherx għalih.

Wara l-Avukat Azzopardi beda jistaqsi lix-xhud fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Melvin Theuma. Qal li kien ilu jafu xi 20 sena, imma ma kienx jafu sew bħall-aħwa Degiorgio. Qal li kien jilgħab miegħu llegalment fuq iż-żwiemel. Jaf li kien xufier tat-taxi u li jaħdem Portomaso.

Qal li sa fejn jaf hu ma kellu l-ebda raġuni biex jiddubita minn Theuma, li kien jaf sew lil Alfred Degiorgio. Kompla li Melvin Theuma kellu relazzjoni tajba ma’ Alfred Degorgio, tant li meta Degorgio kien jaħdem mal-Kunsill ta’ Ħaż-Żabbar waqt li kien il-ħabs, ġieli qallu li jkun se jżuru Melvin Theuma u ġieli qabad €200 u tahomlu.

Il-Koħħu qal li bejn l-2014-l-2015 kienu għamlu għassa ma’ Daphne Caruana Galizia. Dwar dak li qal fix-xhieda tiegħu nhar il-Ħamis kif sar jaf fejn toqgħod Daphne Caruana Galizia qal li bej l-2014 u l-2015, l-Avukat David Gatt kien mar taħt it-tinda fil-Marsa u George Degiorgio qal li kien se jiltaqa’ ma’ said Chris Cardona fuq Daphne Caruana Galizia.

Qallu biex iwasslu sa fejn ir-roundabout ta’ Portomaso u wara kienet se tgħaddi għalih it-tfajla tiegħu. Kien Jamie Vella li kellu razzett fil-Bidnija li kien weta lill-irġiel fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia.

“Il-Koħħu’ spjega id-direzzjoni ta’ fejn tinsab il-farmhouse ta’ Vella. Hija fl-inħawi ta’ fejn hemm il-villel fil-Bidnija. Ikkonferma li l-prezz miftiehem fuq il-qtil kien ta’ €150,000, u kellu jsir depożitu ta’ €50,000, li hua qatt ma rċieva.

l-Avukat Azzopardi staqsa meta fl-2017 kien mar Melvin Theuma u tahom dil-biċċa xogħol. Qal li jiftakar kien li meta niżel taħt t fit-tinda tal-patata, kien hemm Alfred Degiorgio, u qallu, ‘Ċens, ġie Melvin Theuma, sab lit-Topo, li qal li għandu xi biċċa xogħol għalina.'”

Jiftakar li l-ewwel kienu marru jfittxu lil Theuma u li Degiorgio u Theuma kienu miftehmin fejn il-Busy Bee, l-Imsida. Alfred Degiorgio kien qallu li l-pjan kien biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Hawn issa ftehmu li lil Melvin Theuma jitolbuh €30,000 depożitu, biex jekk jagħmlu xi żmien u mbagħad jitħassru l-pjanijiet, dawk jitlifhom Melvin Theuma u mhux huma li jkunu għamlu x-xogħol għalxejn.

Tenna li lil Alfred Degiorgio wasslu xi ħames darbiet il-Busy Bee u kien jgħidlu li kien se jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma. Il-preparamenti kienu jagħmluhom hu (Muscat) u l-aħwa Degiorgio.

Qal li l-għassa kienu jagħmluha hu u Alfred Degiorgio. Kienu jagħmlu ħafna sigħat twal għassa fil-Bidnija, saħansitra kienu jiltaqgħu wara nofsinhar u jagħmlu sad-dlam sew, sad-9pm u anke sal-10pm.

Mistoqsi mill-Avukat Azzopardi fuq meta tħabbret l-elezzjoni bikrija fl-1 ta’ Mejju tal-2017, ix-xhud qal li f’dan il-perjodu Theuma qal lil Degiorgio li fuq il-prezz jaħseb li jirranġaw. Imbagħad iltaqgħu darb’oħra u qalulu li rranġaw fuq il-flus. 

Darba minnhom Theuma qal lil Alfred Degiorgio li l-flus qegħdin għandu. “Ħa nagħtu ċans l-elezzjoni ssir u mbagħad nagħmlu dak li għandu jsir wara,” kien qalilhom.

Dwar l-arma li biha fil-bidu riedu joqtlu lil Caruana Galizia, Muscat qal li hu kien jaf jużaha u li magħha kellha teleskopju. Kidnu akkwistawha mingħand Jamie Vella u Ta’ Maksar. Ħallewha f’garaxx in-Naxxar, u sa fejn jaf hu, dan kien propjetà ta’ Vella u tal-aħwa Agius.

Fil-garaxx kien hemm Pajero antika u mitluqa. Riedu jneħħuhielhom biex hu u Alfred Degiorgio idaħħlu l-karozza tagħhom minflokha. Dwar meta kienu joqgħodu jsegwu lil Daphne Caruana Galizia fejn id-dar tagħha kienu jinnutaw seftura. Innutawha tasal u tmur mid-dar fil-Bidnija f’ħinijiet partikolari.

Pressjoni minn Melvin Theuma biex ifittxu joqtluha

Fis-sajf kien hemm mument meta Melvin Theuma beda jippressahom biex joqtluha.  Lilu qal ix-xhud Melvin Theuma ma kienx ikellmu dwar dan, imma Alfred Degiorgio kien jgħidlu x’kien jgħidilhom Theuma. Saħaq li ma setgħux jaqbdu tarf tal-ġurnalista bil-bomba kienet għadha mhux disponibli sa dan il-punt.

Melvin Theuma beda jippressahom għax beża’ li tilħaq toħroġ l-informazzjoni u jkunu għadhom ma wettqux id-delitt. Huwa kkonferma li Theuma kien mar fuqn il-post iżda hu ma kienx hemm meta mar għax kien għassa post ieħor.  Alfred Degiorgio kien ħa l-karozza tiegħu biex jieħu lil Theuma hemm. 

“Il-Koħħu” qal li l-aħwa Ta’ Maksar kienu qegħdin jagħtu l-flus lil wieħed mill-aħwa Degiorgio, qal madwar €20,000 fix-xahar. Tenna ukoll li kien hemm pjan biex jinqatel persuna kienet fil-Korp tal-Pulizija. “Sa fejn naf jiena Jamie Vella u Robert kellhom x’jaqsmu, qal Muscat.”

Hawn l-Avukat Azzopardi qal lil Muscat biex ma jsemmiex lil dan l-uffiċċjal tal-Pulizija fil-Qorti. Dwar il-mobajls li spiċċaw fil-baħar qrib it-tinda tal-patata, dawn waddbuhom hu u l-aħwa Degiorgio. Tenna li ġieli kienu jixtru xi mowbajls u mbagħad jitfgħuhom fil-baħar. 

Qal li fis-sajf, tal-2017, darba fost oħrajn kienu raw lil Daphne Caruana Galizia dieħla fl-lukanda Phoenicia, l-Floriana ma’ żewġha. Muscat jgħid li dan kien f’Settembru, xi l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru, viċin il-festi tal-Indipendenza.

Muscat qal li dan kien meta raw lill-familja Caruana Galizia b’ħafna bagalji. Ix-xhud qal li jiftakar li ċempillu Alfred Degiorgio għax ħaseb li se jsiefru.

Kompla jgħid li kienu saqu warajhom mill-Bidnija sal-Ajruport. Alfred Degiorgio rahom deħlin jagħmlu ċ-check-in. Muscat tenna li huwa qatt ma ra lill-ġenituri ta’ Caruana Galizia huma u jagħmlu l-għassa fil-Bidnija. 

Ix-xhud qal li Melvin Theuma ma kienx jaf li huma kienu ssellfu karozza bħal ma kellha l-ġurnalista biex jipprattikaw fuqha. Mingħand min issellfuha ma kienx jaf li kienu rieduha għal pjan li kellhom.

Jiftakar li Alfred Degiorgio mar inaddafha minħabba xi tajn u ħamrija li kellha u li damet għandhom biss għal ftit sigħat. Qal ukoll li wara l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma kien imur ta’ sikwit fit-tinda tal-patata.

Ir-raġuni li kien imur hemm kienet biex jagħmlu kuntatt minħabba l-flus għax ma kinux għadhom tħallsu d-depożitu. Wara li seħħ id-delitt bħal ringrazzjament tax-xogħol li kienu wettqu Melvin Theuma kien se joħodhom jieklu l-Waterfront, imma Alfred Degiorgio ħaseb
li kien għadu kmieni wisq.

Ix-xhud qal li hu u Alfred Degiorgio ftiehmu li lil Degiorgio hu jwasslu bil-karozza tiegħu Wied il-Għajn biex jiġbor il-flus u kien Għamel xi tliet kwarti jistenna. Il-flus kienu f’envelopp kannella. Kien hemm madwar €120,000 u lilu tawh €40,000. Dan kien xi ġimgħa wara l-qtil.

Muscat qal li wara sar jaf li George Degiorgio kien uża l-mowbajl finta (burner phone) biex jittoppjah, Alfred użah meta mar jiltaqa’ ma’ mara Russa.

Qal li l-aħwa Degiorgio stess lanqas riedu jemmnu li kienu ġew arrestati.  “Kif jista’ jkun semmewna?” kien jistaqsih Alfred Degiorgio. Huwa kkonferma mli kien jafu li se jiġu arrestati xi ġimagħtejn jew tliet ġimgħat qabel.

Darba mar taħt it-tinda Melvin, u beda jissidkuti ma’ Alfred u Melvin stess kien ikkonferma l-ġurnata. Kienu jafu li l-arrest se jsir fit-tinda. Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi għaliex baqgħu hemm, qal li Alfred Degiorgio qallu, “mbilli tibqa’ d-dar?”

Ix-xhud qal li ma jafx għaliex fil-mowbajl ta’ Yorgen Fenech hemm isem u kunjom l-aħwa Degiorgio, Tal-Maksar, ta’ Jamie Vella u tiegħu stess, flimkien mad-data tat-twelid tiegħu, 5 ta’ Marzu, 1962.

Mistoqsi mill-Avukat Azzopardi fuq diskors bejnu u bejn Alfred Degiorgio fuq l-għagħa li qam wara l-assassinju tal-ġurnalista, tenna li darba fost oħrajn kienu fejn il-Mile End wara l-arrest, u George Degiorgio qal lil ħuh li misshom jitolbuhom miljuni. 

Muscat qal li wieħed mill-aħwa kien qal li meta jidħlu fl-awla quddiem il-Maġistrat għandhom joqogħdu dritti, rashom ‘il fuq, mhux “qieshom l-imgħaxxa.”

Wara beda l-kontro-eżami l-Avukat William Cuschieri li qed jidher għal George Degiorgio ta’ 55 sena li huwa magħaruf bħala “Iċ-Ċiniż” u Alfred Degiorgio ta’ 53 sena magħruf bħala “Il-Fulu” t-tnejn minn San Pawl il-Baħar.

Muscat qal li l-informazzjoni hu dejjem ġabha mingħand George jew Alfred Degiorgio, fl-2015 mingħand George u fl-2017 mingħand Alfred. Dwar x’għamlu tliet ġimgħat qabel l-arresti saru jafu li dawn se jsiru, Muscat qal li hu baqa’ għaddej normali. Dan għax Alfred Degiorgio beda jgħidlu li aktarx mhux se jressquhom.

Ħasbu wkoll li se jarrestaw lit-tlieta li huma, imma lilu u lil Alfred ma jressquhomx. L-Avukat Cuschieri staqsa lix-xhud jekk hu kienx staqsa minn fejn kien qed jikseb l-informazzjoni Alfred fuq l-arresti. “Mingħand Chris Cardona, dejjem,” wieġeb ix-xhud u dan minn dak li kien jgħidlu Alfred Degiorgio.

Muscat ammetta l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li llum għalqet 41 xahar mill-qtil brutali tagħha. Muscat ġie kundannat 15-il sena ħabs u li ħa l-proklama fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.

L-Avukat William Cuschieri qed jidher għal George Degiorgio ta’ 55 sena li huwa magħaruf bħala “Iċ-Ċiniż” u Alfred Degiorgio ta’ 53 sena magħruf bħala “Il-Fulu” t-tnejn minn San Pawl il-Baħar.

Muscat ammetta l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ġie kundannat 15-il sena ħabs u li ħa l-proklama fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra qed imexxu il-Prosekuzzjoni, assistiti mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia.
L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru bħala parte civile għall-familja Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni tkompli għada.