L-oħt influwenti tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq wissiet lill-Istati Uniti ‘biex ma taqlax l-inkwiet u t-tensjoni’. Dan meta l-President Amerikan, Joe Biden, qed iħejji biex ifassal il-politika ‘ġdida’ ta’ pajjiżu relatata mal-Korea.
Intant, Kim Yo-jong, waqt kummenti fuq il-media tal-Istat, ikkritikat lill-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel talli wettqu sensiela ġdida ta’ eżerċizzji militari konġunti. L-istess Kim Yo-jong kemm-il darba ‘intużat’ minn ħuha, il-Mexxej komunista Kim Jong-un, biex tattakka verbalment lill-pajjiżi meqjusa bħala għedewwa tar-reġim fi Pyongyang.
L-aħħar kummenti tagħha ngħataw sigħat qabel il-wasla ta’ uffiċjali ewlenin tal-Istati Uniti f’ Seoul, il-kapitali tal-Korea t’Isfel – b’Kim Yo-jong tenfasizza t-twissija dwar l-imsemmija eżerċizzji konġunti li pajjiżha jqishom bħala ‘tħejjija għall-invażjoni tal-Korea ta’ Fuq.
Kim Yo-jong fl-ebda ħin ma qalet kif kapaċi twieġeb il-Korea komunista u fejn illimitat ruħha għal ‘twissija’. Dan ukoll meta r-reġim fi Pyongyang għadu ma rikonoxxiex lil Joe Biden bħala President tal-Istati Uniti.
//= $special ?>