L-esperti medici qed jinsistu li t-tilqim bil-vaċċin tal- AstraZeneca għandu jkompli – u dan minkejja li numru ta’ pajjiżi Ewropej qegħdin iżommu lura milli jużaw dan il-vaċċin, wara rapporti dwar każi ta’ trombożi fost nies li ngħataw doża tal-AsteraZeneca.
Id-data miġbura s’issa turi li ċ-ċansijiet ta’ każ ta’ trombożi wara t-tilqima huma baxxi għall-aħħar, u l-ftit każi li kienu rappurtati fl-Ewropa probabbilment kienu dovuti għal koinċidenza u mhux kawża tal-vaċċin.
L-esperti tad-WHO intant qed jiltaqgħu biex jevalwaw mill-ġdid it-tilqima tal-Oxford-AstraZeneca. Qed issir ukoll laqgħa għall-Aġenzija Ewropea dwar il-Mediċina li hi r-regolatur tal-mediċina tal-Unjoni Ewropea. Id-deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tat-tilqim bil-vaċċin tal-AstraZeneca mistennija toħroġ f’nofs din il-ġimgħa.
Minkejja dawn id-dubji, ir-Renju Unit qed jagħmel progress kbir bil-kampanja tat-tilqim, meta l-awtoritajiet mediċi fil-pajjiż diġà bdew ilaqqmu liċ-ċittadini minn 50 sena ‘il fuq.
Kelliema għall-AstraZeneca qalu li mas-17-il miljun ċittadin fl-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, s’issa, ingħataw doża bit-tilqima tagħhom … u kien hemm anqas minn 40 każ ta’ trombożi rappurtati fost l-imlaqqmin.
L-awtoritajiet fil-Ġermanja, Franza, l-Italja u Spanja issospendew l-użu ta’ dan il-vaċċin.
Madankollu, il-Belġju, il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u l-Ukrajna se jkomplu jagħtu t-tilqima tal-AstraZeneca lill-popli rispettivi.
L-AstraZeneca kompliet tinsisti li mhemmx provi li kapaċi jiżdied is-sogru ta’ trombożi mill-vaċċin.
//= $special ?>