Internazzjonali

L-Olanda tnaqqas ir-regoli għall-voti mibgħutin bil-posta, bl-elezzjoni qed tkompli

Il-Gvern tal-Olanda bidel ir-regoli biex jaċċetta l-voti li jintbagħtu bil-posta waqt l-elezzjoni attwali għall-Parlament. Il-bidla kienet ikkonfermata wara rapporti li xi nies kienu wettqu l-iżbalji żgħar fil-proċedura tal-vot inizjali.

Il-Partit Konservattiv VVD tal-Prim Ministru Mark Rutte mistenni jikseb biżżejjed appoġġ għal raba’ terminu ta’ poter konsekuttiv. Intant, l-elezzjoni – li bdiet mit-Tnejn – qed titqassam fuq tlett ijiem, bil-proċedura qed tgħin biex in-nies iżommu d-distanza soċjali fil-postijiet tal-votazzjoni.

Sadanittant, l-Olandiżi ta’ 70 sena u aktar qed jitħallew jivvutaw bil-posta għall-ewwel darba f’dan il-pajjiż minħabba l-perikli għalihom mill-pandemija.

Hu kalkulat li mas-6 fil-mija tal-votanti ħarġu jivvutaw nhar it-Tnejn waqt li mistenni li l-akbar ammont ta’ votanti Olandiżi jeżerċitaw id-dritt tal-vot għada, l-Erbgħa – l-aħħar jum tal-votazzjoni. Dan meta mistenni li madwar terz tal-anzjani eliġibbli għall-vot se jużaw is-sistema tal-votazzjoni bil-posta biex jesprimu l-għażliet tagħhom.

L-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni jindika li l-VVD ta’ Rutte għandu jirbaħ bejn 21 u 26 fil-mija tal-vot waqt li l-Partit tal-Ħelsien ( anti-Iżlamiku) ta’ Geert Wilders mistenni jikseb bejn 11 u 16 fil-mija tal-appoġġ popolari. Il-Partit D-66 – li jiffavorixxi l-Unjoni Ewropea u li hu membru tal-koalizzjoni attwali mmexxija minn Rutte – qed jidher li għandu l-istess appoġġ bħall-partit ta’ Wilders.

Filwaqt li l-infezzjonijiet bil-coronavirus qed jiżdiedu fl-Olanda, l-awtoritajiet ma permettewx li jsiru attivitajiet pubbliċi b’konnessjoni mal-kampanja elettorali. Minflok, il-kampanja konċentrat fuq sensiela ta’ dibattiti televiżivi fejn Mark Rutte impressjona bħala Mexxej ‘sod u b’saħħtu’ fi żmenijiet ta’ kriżi.

Dan ukoll meta l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa fl-Olanda wissa biex il-Gvern ma jnaqqasx il-miżuri tal-lockdown minħabba li l-isptarijiet tal-pajjiż kapaċi jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ma jlaħħqux mal-pazjenti f’każ ta’ tielet mewġa tal-Covid-19 xprunata mill-varjanti tal-virus.