Edwin Vassallo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li permezz ta’ emendi għal-Liġi tal-Interpretazzjoni l-Gvern se jkun qed idaħħal emendi perikolużi għall-Kostituzzjoni li bihom nies appuntati mill-istess Gvern se jkollhom il-poter li jiġġudikaw liċ-ċittadini minflok tkun il-qorti li tagħmel dan.
Edwin Vassallo qal li l-Gvern qed jabbuża mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem u qed jiddiskrimina kontra l-poplu tiegħu stess. Hu qal li din hi liġi perikoluża u se twassal fi prosekuzzjoni fuq iċ-ċittadini se tkun għodda f’idejn il-Gvern biex bla ma jidħol il-Qorti, il-Gvern jkun jista’ jħarrek lin-nies jakkużawhom u jwaħħalhom multi fi tribunal u bordijiet lijkunu preseduta minn persuni li jagħżel il-Gvern stess.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-bordijiet li jaqgħu taħt din il-liġi tal-interpretazzjoni jistgħu jwaħħlu multi kbar sal-livell ta’ ħtija kriminali. Hu qal li dawn it-tribunali jistgħu jwaħħlu multi sa €20,000 u sostna li l-Qorti Kostituzzjonali ddefendiet persuni li kienu mmultati kbar biex tiggarantixxi d-dritt tas-smigħ xieraq.
Dan id-dritt qed ikun abbużat mill-Gvern u jaħtar nies tiegħu fil-bordijiet u jwaħħlu l-multi kontra l-parir tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-Qorti Kostituzzjonali qed tiddefendi liċ-ċittadin mill-abbuż tal-Gvern, sostna Edwin Vassallo, li kompla li l-Gvern kien ipprova jressaq din il-liġi billi jemenda l-Kostituzzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern hu marbut li jippermetti lill-qrati jwettqu l-ġustizzja u sostna li dan il-Gvern qed jabbuża mill-poter. Qed jaħtar persuni ta’ fiduċja tiegħu biex jiġġudika hu f’bordijiet li l-Gvern se juża fejn ma jridx juża l-qrati.
Din hi liġi li biha l-Gvern qed ikun misruq mill-proċess tal-ġustizzja ġusta. Il-persuni ta’ fiduċja tal-Gvern m’humiex awtonomi għax jiddependu mill-Gvern, li se jiġġudika lin-nies.
Din hi liġi li tiddependi mil-loġika tal-Gvern; il-loġika tal-korruzzjoni tal-ġustizzja, sostna Edwin Vassallo, li kompla li din hi liġi abbużiva li fiha l-Gvern qed jipprova jemenda l-Kostituzzjoni bil-mod mhux korrett. Għal dan il-Gvern m’hemmx tajjeb u ħażin; l-aqwa li jasal għall-iskopijiet tiegħu.
//= $special ?>