Lokali

Proġett ta’ malajr li tellifna opportunitajiet tajbin – PN

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Ian Borg, Ministru tat- Trasport, Infrastruttura u Progetti Kapitali, l-Ministru Aaron Farrugia, Ministru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ippjanar, u l-Ministru Miriam Dalli, Ministru għall-Energija, Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli jmissihom ippjanaw aħjar.

L-istqarrija tinnota nuqqasijiet gravi fil-parkeġġ il-ġdid tal-Għadira liema nuqqasijiet setgħu faċilment jiġu evitati bi ppjanar aħjar.

Kieku dan il-proġett sar minn Gvern ġdid Nazzjonalista, il-PN qal li kien jiżgura li fost oħrajn:

  1. Kien ikun hemm sinjali elettroniċi li juru kemm fadal parkeġġi vojta fil-post u li juru b’mod ċar meta l-parkeġġ ikun mimli.
  2. Kienu jsiru numru ta’ charging points għall-vetturi elettriċi. Gvern ġdid Nazzjonalista huwa kommess li jimxi f’direzzjoni ta’ ekonomija ħadra u transport sostenibbli u għalhekk f’parkeġġ li se jkun tant popolari fis-sajf, ma jistax jonqos li tinbena l-infrastruttura kollha neċessarja.
  3. Parkegg ta’ dak il kobor kien isir fih investiment ta’ pannelli fotovoltajċi. Dan sabiex joffri dawl b’xejn lill-infrastruttura tal-parkeġġ kif ukoll jiġġenera enerġija fil-grid nazzjonali.
  4. Konna nassiguraw li l-post ikollu impatt ambjentali pożittiv b’numru kbir ta’ siġar u landscaping biex isebbaħ il-madwar.
  5. Ma konniex nitilfu l-opportunita’ sabiex il-parkeġġ isir taħt l-art sabiex il-parti ta’ fuq tkun żona għall-karavans u camping bil-faċilitajiet kollha neċessarji għalihom.

L-istqarrija tal-PN li kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija l-Ħadra u l-Proġetti Kapitali, David Thake temmet tgħid li bil-fatti u mhux bil-kliem biss, Gvern ġdid Nazzjonalista jkun gvern li jippjana sew proġetti kapitali bħal dawn wara konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsilli Lokali kif wkoll ma’ esperti tekniċi.