Internazzjonali

Renju Unit: Il-Prinċep Philip joħroġ mill-isptar wara xahar

Il-Prinċep Philip, id-Duka ta’ Edinburgh, ħareġ mill-isptar wara li rnexxiet proċedura tal-qalb li żammitu rikoverat għal xahar.

Id-Duka ta’ Edinburgh kien iddaħħal fl-Isptar ta’ King Edward VII ( f’Londra) fis-16 ta’ Frar wara li ħassu ma jiflaħx. Intant, hu, wara, kellu jgħaddi minn kirurġija għal kundizzjoni  ‘li kienet teżisti f’qalbu minn qabel’ u li saret fi sptar ieħor ( ta’ St Bartholomew) ta’ Londra.

Fl-aħħar sigħat il-Prinċep Philip, li għandu 99 sena, irritorna fil-Kastell ta’ Windsor. Hu kien ilu indispost għal 28 jum u li kien l-aktar perjodu ta’ żmien li hu qatt qatta l-isptar.

Stqarrija mill-Palazz qalet li d-Duka ta’ Edinburgh jinsab tajjeb u ‘bil-moral għoli’ u li hu ried jirringrazzja lill-membri kollha tal-istaff mediku li ħadu ħsiebu kif ukoll lil dawk kollha li xtaqulu fejqan ta’ malajr.