Id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar qalet li qed iżżomm raġel responsabbli għall-ħsara li għamlilha fil-karriera politika hekk kif insistiet li m’għandhiex għalfejn trodd lura xi flus. Hija ċaħdet ukoll li diġà tagħat €2,000.
Cutajar kienet qed twieġeb għal ittra ġudizzjarja ppreżentata l-ġimgħa li għaddiet mill-bejjiegħ potenzjali tal-proprjetà tal-Imdina, Joseph Camilleri, is-sid benefiċjarju aħħari ta’ Green Eyes Limited.
Huwa qed isostni li kien diġa ħareġ il-flus kontanti wara li ġiet iffirmata wegħda ta’ bejgħ fl-14 ta’ Mejju 2019, bħala miżati, bil-kundizzjoni li la Cutajar u lanqas l-assoċjat tagħha Carmel Farrugia ma kellhom jiddisponu minn dawk il-flus sakemm il-bejgħ ikun ġie finalizzat.
Dan wara li kien żvelat li Cutajar u Farrugia kienu aġixxew bħala sensara fuq il-bejgħ proġettat ta’ €3.1 miljun favur Yorgen Fenech, bħalissa akkużat b’kumpliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Iżda meta l-wegħda tal-bejgħ skadiet f’Novembru 2019 u l-att finali ġie mħassar, la Cutajar u lanqas Farrugia ma ħallsu lura l-flus. Fit-tweġiba tagħha għall-ittra ġudizzjarja, li hija ppreżentat quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, Cutajar ċaħdet dak li qal Camilleri li hi kellha tagħti lura l-flus u wkoll li kienet diġa tagħat €2,000.
Hija wissiet lil Camilleri biex ma jibqax ikompli bit-talbiet tiegħu “infondati, malizzjużi u bla bażi” kontriha, u wissietu b’aktar azzjoni legali jekk huwa jkompli jippersisti. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo ffirmaw ir-risposta.
//= $special ?>