Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Tony Bezzina

Fil-Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid ingħatat l-aħħar tislima lill-imprenditur Tony Bezzina, illi miet fl-età ta’ 72 sena.

Tony Bezzina jibqa’ magħruf bħala ikona fix-xena tal-futbol Malti – l-aktar president li dam iservi fil-Kampjonat BOV Premier, wara li mexxa l-klabb ta’ Hibernians għal 43 sena shah.

Apparti dan, ghall-poplu Pawlist Tony Bezzina jibqa’ meqjus ukoll bħala eroj li fis-sempliċita’ tiegħu kien is-saħħa tal-club, u li bil-perservenża tat-tmexxija għaqlija tieghu .. wassal lit-team biex jikseb kullana ta’ unuri. Dan il-fattur kien evidenti ukoll waqt ic-cerimonja tal-funeral illi saret wara nofsinhar, fejn inħass b’mod car illi raħal sħiħ kien f’luttu għal din it-telfa. Il-funeral kien konċelebrat minn Father Hilary Tagliaferro. Fost in-nies preżenti, kien hemm għadd ta’ deputati u persuni distinti.

Is-servizz li ta Bezzina lill-futbol Malti kien rikonoxxut ukoll mill-istat Malti meta fl-2019 ingħata il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Fuq Facebook il-Club ta’ Hibernians qal li “in-nies ta’ Raħal Ġdid, flimkien mal-futbol Malti tilfu raġel kbir. Raġel ta’ qalb tajba u ġenerożità, raġel li ħajtu kienet iddefinita mid-devozzjoni tiegħu lejn il-familja tiegħu u lejn il-Hibs”.

Tony Bezzina twieled fit-13 ta’ Novembru tas-sena 1948 u trabba u għex fil-lokalita’ ta’ Raħal Ġdid. Meta għalaq l-eta’ ta’ 24 sena, beda jiffrekwenta l-club tal-Hibernians …u meta l-president Lawrence Xuereb, temm il-ħidma tiegħu, fl-1978, Tony Bezzina ġie elett biex jidhol f’din ir-responsabbilita’.

Waqt il-presidenża tiegħu, it-team tal-Hibs rebħu 9 darbiet il-kampjonat; 7 darbiet l-FA Trophy, 3 darbiet is-Super Cup u darbtejn it-Testaferrata Cup.