Lokali

Xhieda li tkompli toħroġ fil-beraħ ir-rabta li teżisti bejn il-kriminalità organizzata, il-Partit Laburista u l-Gvern – PN

Għat-tieni darba f’inqas minn ġimgħa xhieda bil-ġurament tgiddeb lil Robert Abela

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aqulina saħaq li x-xhieda li ngħatat llum fil-Qorti minn xhud li ngħata l-maħfra presidenzjali tkompli toħroġ fil-beraħ ir-rabta li teżisti bejn il-kriminalità organizzata u l-Partit u l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela u Joseph Muscat.

Għat-tieni darba f’inqas minn ġimgħa xhieda bil-ġurament li ngħatat aktar kmieni llum fil-Qorti tgiddeb lill-Prim Ministru Robert Abela meta ftit tal-ġimgħat qal li m’hemm l-ebda politiċi, preżenti jew tal-passat, implikati fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda li ngħatat illum minn Vincent Muscat wara li ngħata l-maħfra presidenzjali u ammetta s-sehem tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa stqarr bil-ġurament li:
● L-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u eks Ministru Chris Cardona kien involut fi pjan li tħejja fl-2015 biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
● Chris Cardona kien involut f’reat ieħor kbir.
● Persuna oħra li fil-preżenti qed isservi bħala Ministru tal-Gvern ta’ Robert Abela ta għajnuna lill-kriminalita’ organizzata biex jitwettaq reat serju ħafna.

Wara x-xhieda mogħtija llum, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aqulina qal li l-Prim Ministru ma fadallu l-ebda triq oħra ħlief li pubblikament jidentifika l-Ministru li għalih qed jagħmel referenza x-xhud Vincent Muscat u minnufih ikeċċieh minn Ministru.

Il-Prim Ministru għandu wkoll l-obbligu jiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jkunu ħielsa minn kwalunkwe indħil politiku biex ikunu jistgħu jieħdu kwalunkwe azzjoni li tirriżulta li hija meħtieġa fil-konfront ta’ Chris Cardona u tal-Ministru li s’issa ismu għadu sigriet.

Ix-xhieda mogħtija llum fil-Qorti turi li l-Istat mhux biss naqas milli jipproteġi l-ħajja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia iżda saħansitra persuni fl-ogħla livell tal-Gvern Laburista kellhom sehem ewlieni biex jitfassal u jitwettaq il-pjan li wassal għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u biex wara jsir minn kollox biex il-mandanti u l-eżekuturi tal-qtil ma jinqabdux.