Għawdex Knisja Lokali

Aktar minn 800 salib fuq iz-zuntier tal-Knisja t’Għajnsielem

Iz-zuntier tal-Knisja t’Għajnsielem tbiddel f’xena li tqanqal il-ħsieb reliġjuż tal-passjoni u l-mewt ta’ Kristu hekk kif pajjiżna qed iħejji biex jiċċelebra t-tieni Ġimgħa Mqaddsa f’nofs pandemija.

L-installazzjoni li hija magħmula minn mijiet ta’ slaleb għandha propju l-ħsieb li tgħaqqad ir-realtà u s-sitwazzjoni li qed ngħixu bħalissa ma’ dan iż-żmien tar-Randan, fejn infakkru kif Ġesù bil-passjoni u l-mewt tiegħu, fdiena minn dnubietna.

Dan il-portal tkellem ma’ Franco Ciangura, Viċi Sindku tal-lokalità li spjega kif bħalisa lkoll qegħdin immissu b’xi mod ma’ din il-pandemija, fejn ħafna familji qegħdin jgħaddu minn żmien diffiċli u anke saħansitra tilfu lil xi ħadd għażiż qrib tagħhom. Ilkoll qegħdin inġorru xi salib li mhux dejjem faċli naċċettaw u ngħixu bih, però jekk nafdaw f’Ġesù il-piż ikun eħfef. Din l-installazzjoni qegħdin niddedikawha lill-vittmi li mietu bil-Covid-19 u lill-familjari tagħhom, kif ukoll lil kull min b’xi mod għaddej minn żmien diffiċli fil-ħajja tiegħu jew tagħha. Cai

Ciangura spjega li l-proġett jikkonsisti f’aktar min 800 salib magħmulin mill-injam irriċiklat. Dawn is-slaleb qegħdin jeħlu mat-taraġ taz-zuntier tal-knisja fejn se jiġu mixgħula sabiex joħolqu atmosfera partikolari wara nżul ix-xemx. Fin-nofs taz-zuntier se jitħalla forma ta’ salib kbir li jirrappreżenta lil Ġesù. In-numru tal-vittmi li dejjem qiegħed jiżdied, se jkun simbolizzat fi slaleb miżbugħin b’kulur abjad – kull salib abjad se jkun qiegħed jirrappreżenta persuna mejta bil-Covid-19.

Din l-attività se tkun attrazzjoni oħra unika li barra li se nagħtu tislima li dawk li mietu u lill-familjari tagħhom, se tkun qed tagħti messaġġ għal dan iż-żmien tar-Randan u l-Għid il-kbir.

Franco Ciangura appella biex flimkien ngħixu dawn il-mumenti billi nieħdu ħsieb xulxin, billi kulħadd jagħmel is-sagrifiċċju tiegħu għal ġid tal-oħrajn, noffru s-salib personali tagħna lil Ġesù u nittamaw li ma ndumux ma ngħaddu minn dan iż-żmien diffiċli għal żmien aħjar.

Din l-installazzjoni saret bl-għajnuna ta’ diversi voluntiera mill-Għaqda Drammatika Għajnsielem u l-Għaqda tal-Armar bl-ideja u ħsieb tal-Vici Sindku Franco Ciangura megħjun minn Joseph Ciantar. Grazzi bħal dejjem lill-Kunsill Lokali t’Għajnsielem tas-sapport u l-finanzi, kif ukoll lill-arċipriet u l-parroċċa tal-kollaborazzjoni.