Malta u l-Greċja ilhom snin twal igawdu minn relazzjoni tajba bejniethom, b’ħafna karatteristiċi simili… b’mod partikolari fejn jidhol it-turiżmu.
Iz-zewg pajjizi fil-fatt għandhom interessi komuni għal qalbhom – dawk li jixprunaw l-Ewropa, kif ukoll li flimkien mal-popli l-oħra, id-dinja toħroġ malajr kemm jista jkun minn din il-pandemija.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Erbgħa filgħodu kellu laqgħa kordjali mal-Ambaxxatur tal-Greċja għal Malta Dimitrios Tsoungas fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur tal-Greċja tkellem dwar l-importanza li jkun hemm diskussjoni mal-Partit fl-Oppożizzjoni għax fisser illi l-Oppożizzjoni hija l-Gvern Alternattiv… partikolarment f’dan iż-żmien tant sensittiv għad-dinja kollha.
Jakkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista ghal din il-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici.