Futbol Sport

Chelsea jeliminaw lil Atletico b’wirja dominanti fi Stamford Bridge

(Ritratt: EPA)

Chelsea għelbu lil Atletico fiż-żewġ partiti tagħhom kontrijhom meta fi Stamford Bridge kisbu rebħa ta’ 2-0.

Atletico ħarġu tajjeb u fit-tielet minuta Rena Lodi bidel il-ballun tajjeb ma’ Yannick Carasco, bil-konklużjoni tiegħu tkun salvata tajjeb mill-gowlkiper ta’ Chelsea, Edouard Mendy. Wara l-pusses inizjali ta’ Atletico Madrid, Chelsea bdew deħlin fil-partita u jżommu aktar il-ballun. Chelsea kienu perikolużi fid-dsatax-il minuta meta minn cross ta’ Reece James, Timo Werner dar tajjeb, bil-konkluużjoni tiegħu tkun devjata għall-corner. Fil-25 minuta il-plejers t’ Atletico ipprotestaw għal penalty meta Cesar Azpicueleta deher jiġbed lil Yannick Carasco fil-kaxxa, bir-referee iħalli l-logħob għaddej.

Madanakollu, it-tim immexxi minn Thomas Tuchel, marru fil-vantaġġ fl-34 minuta meta wara kontrattakk veloċi, il-Ġermaniż Timo Werner għadda pass preċiż lej HAKIM ZIYECH, b’dan tal-aħħar jikkonkludi ġewwa għal 1-0. Atletico Madrid kienu perikolużi fit-38 minuta meta minn cross ta’ Kieran Trippier, il-ballun waqa’ għand Joao Felix, li x-xutt ċentrali tiegħu kien salvat minn Mendy.

Chelsea fetħu it-tieni taqsima fuq l-offensiva hekk kif wara pass ta’ Hakim Ziyech kien Timo Werner li b’veloċita’ avvanza u kkonkluda fil-baxx, b’ Jan Oblak isalva tajjeb fil-baxx. Atletico tefgħu kollox fuq l-attakk u fit-tmenin minuta Joao Felix dar tajjeb fil-kaxxa difiża mit-tim ta’ Chelsea, bil-konklużjoni tkun devjata għal barra. Mill-istess azzjoni ta’ corner, waslet id-daqqa ta’ ħarta għal Atletico hekk kif tkeċċa id-difensur Stefan Savic wara li ta daqqa ta’ minkeb lil Antonio Rudiger. Chelsea għalqu l-partita fl-94 minuta meta minn kontrattakk veloċi kien is-sostitut EMERSON li kkonkluda għal ġewwa għal skor finali ta’ 2-0.