Lokali Qorti

Disa’ snin ħabs għal Niġerjan fuq importazzjoni ta’ kokaina

Raġel Niġerjan ġie kundannat disa’ snin ħabs u multa ta’ €10,000 mill-Maġistrat Neville Camilleri wara li nstab ħati li kien involut f’ċirku tad-droga ftit aktar minn 10 snin ilu fejn miegħu kienu nvoluti persuni oħra.

Uchena Anya, ta’ 38 sena minn San Ġwann instab ħati li importa d-droga kokaina f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kienitx għall-użu personali tiegħu u li kkonfoffa biex imexxi d-droga kokaina, u li wettaq att ta’ ħasil ta’ flus.

Il-każ kien idur ma’ kunsinna ta’ droga kkontrollata nhar is-Sibt, 27 ta’ Novembru, 2010 li kienet wasslet għall-arrest ta’ ċittadin Niġerjan ieħor. Il-kunsinna, ikkoordinata mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, kienet possibbli wara li Rumen, Attila Somlyai inqabad iġorr 60 kapsula li fihom madwar 600 gramma kokaina fl-istonku, u kien ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta l-ġurnata ta’ qabel.

Somlyai qal fil-Qorti li huwa orfni Rumen li kien spiċċa abbandunat fi stazzjon tal-ferrovija fl-età ta’ tliet snin. F’Novembru 2010 kien wasal Malta minn Düsseldorf. Huwa kien ġie arrestat u sussegwentement ikkoopera mal-pulizija waqt kunsinna kkontrollata barra lukanda f’Tas-Sliema,

Hekk kif il-Pulizija komplew jinvestigaw il-każ, sabu li d-drogi kellhom jitwasslu lin-Niġerjan Stephen Ikechukwu, li kien ukoll tressaq il-Qorti. Aktar investigazzjonijiet wasslu għal Uchena Anya, li kien involut fl-istess attività kriminali.

Somlyai kien spjega kif kien ivvjaġġa minn Amsterdam għal Düsseldorf u mbagħad ħa titjira lejn Malta, fejn kellu jipproċedi lejn il-lukanda Roma fejn kien se jiltaqa ’miegħu raġel Niġerjan. Dan il-pjan irnexxa f’Ottubru tal-2010 meta bħala courrier kien ikkunsinna 28 kapsula fl-ewwel żjara tiegħu f’Malta.

Madankollu, huwa kien sfortunat it-tieni darba, peress li waqt it-tieni inkarigu tiegħu f’Novembru 2010 ġie interċettat mill-Pulizija u ttieħed l-isptar Mater Dei. X-ray kienu qabduh bil-kapsuli fl-istonku tiegħu.

Dwar dan il-każ kienu tressqu l-Qorti kemm Attila Somlyai kif ukoll Ikechukwu Stephen Egbo. Jirriżulta li fis-7 ta’ Diċembru 2010 meta kemm Attila Somlyai kif ukoll Ikechukwu Stephen Egbo kellhom l-ewwel seduta tagħhom fil-Qorti, l-Kuntistabbli Carmen Gauci nnotat ċittadin Niġerjan, li wara rriżulta li kien Anya jirreaġixxi b’mod suspettuż ħafna meta raha l-courrier Rumen, Attila Somlyai.

Meta Gauċi nnotat dan, l-akkużat, li kien qed jakkumpanja żewġ nisa, waħda minnhom is-sieħba femminili ta’ Ikechukwu Stephen Egbo. hija għarrfet lill-Prosekutur Dennis Theuma, li talab

minnufih awtorizzazzjoni mingħand l-Maġistrat Dr Miriam Hayman, illum Imħallef biex jikellem ma’ Attila Somlyai u meta tkellem miegħu, Somlyai kkonferma li l-akkużat kien dak Niġerjan ieħor li akkumpanja lil Ikechukwu Stephen Egbo meta hu (Attila Somlyai) għadda l-kapsuli f’Ottubru 2010.

Eventwalment Anya ġie arrestat aktar tard dakinhar u eventwalment hu kien akkużat fil-Qorti b’diversi akkużi relatati mad-drogi u ħasil ta’ flus.Il-Qorti qalet li l-akkużat kien involut f’din il-konspirazzjoni u kien jaf x’kien ġara, dak li kien se jiġri, dak li kien ippjanat li jiġri u min kien involut.

Jirriżulta b’mod ċar li pjan dettaljat li jimporta d-droga f’Malta, li kellu jiltaqa’, ma’ min, kif, fejn, u li Attila Somlyai kellu jitħallas. Jirriżulta li hemm ftehim bejn żewġ persuni jew aktar biex jimportaw drogi f’Malta u li l-akkużat kien involut b’mod attiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Assistent Kummissarju Dennis Theuma.