Għawdex Lokali

Gvern xħiħ u li kaxkar saqajh dwar il-konnettivita’ bejn Malta u Għawdex

Mill-aħħar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex deher biċ-ċar kemm il-vuċi tal-Ministru Clint Camilleri hija dgħajfa fir-rigward tal-konnettivita’ ta’ Għawdex ma’ Malta. Dan huwa inkwetanti speċjalment meta l-konnettivita’ bejn il-gżejjer hija importanti u
wieħed jistenna viżjoni b’saħħitha ċara u determinata.

Fi stqarrija, id-Deputati Għawdxin Chris Said, Kevin Cutajar u Joseph Ellis qalu li mir-risposti tal-Ministru jirriżulta li l-Gvern m’għandu pjanijiet ta’ xejn u l-ebda viżjoni strateġika għall-konnettivita’.

Meta mistoqsi dwar l-użu tat-tieni fibre optic cable bejn il-gżejjer li l-Gvern dam tmien snin biex għamlu, u t-tħaddim tal-Gozo Innovation Hub li ilu sena u nofs vojt wara li ġie inawgurat, l-Ministeru għal Ghawdex ftit li xejn hu involut u jaf x’qed jiġri meta dawn huma għodda ferm importanti għall-ekonomija ta’ Għawdex.
Dwar ir-raba’ vapur ġdid, tant imwiegħed mill-Gvern, ħareġ li lanqas għad hemm deċiżjoni, wisq inqas timeframes ċari meta dan il-vapur se jinbena u kif se jiġi akkwistat.

Intant in-nies qed ikollhom jinqdew bil-vapur Nikolaos, bi standards baxxi u inaċċessibli li għalih qed inħallsu €13,000 kuljum. Dwar vapur għall-ġarr tal-merkanzija bejn il-Belt Valletta u Għawdex, deher biċ-ċar li wara li ħames snin ilu l-Gvern neħħa s-servizz, m’għandu ebda ħsieb li jerġa’ jintroduċih minkejja l-bżonn tiegħu.

Il-Ministru ma kellu ebda tweġiba meta mistoqsi dwar l-inkonvenjent, t-tniġġis u l-ispiża żejda li jiġu ffrankati kieku l-ġarr tal-merkanzija jsir bil-baħar flok bl-art saċ-Ċirkewwa kif qed jiġri fil-preżent.
L-istqarrija tfakkar dwar id-differenza dwar it-trasport bil-baħar bejn
il-gżejjer taħt Gvernijiet Nazzjonalisti passati u l-Gvern Laburista, meta Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu l-akbar investiment bi tlett vapuri li sal-lum jaqdu tajjeb ħafna lin-nies.
Dan b’kuntrast mal-Gvern preżenti li biex iġib ir-raba vapur ġdid u adekwat u jorganizza trasport bil-baħar tal-merkanzija ilu jixxaħħaħ u jkaxkar żmien twil. Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħmilha ċara li mhux se jkun xħiħ mal-Għawdxin iżda jinvesti fir-raba’ vapur ġdid, kif ukoll vapur li bi vjaġġi kuljum iġorr il-merkanzija direttament mill-Belt Valletta lejn
Għawdex.
Din hi turija li l-Oppożizzjoni mill-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex u f’fora oħra qed tkun proattiva u għall-kuntrarju tal-Gvern Laburista, qed tipproponi politika ċara dwar il-konnettivita’ bejn Malta u Għawdex.

Madanakollu, l-istess Oppożizzjoni, flok apprezzament qed issib tentattiv biex tiġi msikkta u f’xi waqtiet ukoll b’mod aggressiv. Dan mhux il-mod kif inġibu lil Għawdex ‘il quddiem, ittemm l-istqarrija.