Lokali Parlament

Il-Gvern irid iktar ħin fuq l-emendi għal-Liġi tal-Interpretazzjoni; ma jagħlaqx id-dibattitu llejla

Wara diskors li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech llejla fil-parlament fejn wera li l-emendi għal-Liġi tal-Interpretazzjoni se tkun qed tikser il-kostituzzjoni u wara kritika qawwija fl-opinjoni pubblika, il-Gvern issa mhux se jagħlaq id-diskussjoni parlamentari fuq din il-liġi llejla iżda jrid iktar ħin.

Din il-manuvra tal-Gvern tħabbret fil-parlament mill-Whip Laburista Glenn Bedingfield li ħabbar li l-Gvern, permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, ma kienx se jagħlaq id-dibattitu parlamentari fl-istadju tat-Tieni Qari llejla.

Din il-liġi qed tiżvolġi f’waħda kontroversjali li fiha l-PN qed juri kif din il-liġi qed tikser il-Kostituzzjoni għaliex se ċċaħħad lill-poplu mid-dritt bażiku għal smiegħ xieraq u li tkun il-qorti li tiddeċiedi.

Minbarra l-kritika tal-PN, il-Gvern qed jiffaċċja wkoll kritika qawwija minn diversi entitajiet u awtoritjaiet fil-qasma ġudizzjarju fosthom l-ex Imħallaf Giovanni Bonello, l-ex Kummissarju Ewropew Tonio Borg, l-ex Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet, id-Dekena tal-Fakulta tal-Liġi Kevin Aquilina, l-ex Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono u l-Kamra tal-Avukati.

Fid-diskors tiegħu tal-lejla l-Kap tal-PN Bernard Grech appella lill-Gvern biex jirtira u jwarrab dan l-abbozz u jersaq għal diskussjonijiet mal-PN biex tinsab soluzzjoni; liema soluzzjoni trid tkun tirrispetta d-drittijiet taċ-ċittadini.