Lokali

“Il-PM għandu obbligu li jibża’ għal isem pajjiżna bil-fatti” – Il-Kap tal-PN Bernard Grech

“Ir-responsabbilta’ politika ta’ Robert Abela titlob li hu jagħmel ħiltu kollha biex mill-iktar fis isir jaf min hu l-Ministru konċernat u wara jieħu l-passi meħtieġa.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara x-xhieda fil-Qorti ta’ Vincent Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu” li tenna taħt ġurament li hemm Ministru fil-Kabinett tal-Gvern li għandu rabta ma’ kriminalita’ organizzata.

B’reazzjoni għal din ix-xhieda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hu talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jindaga għal min kien qed jirreferi Muscat.

Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Robert Abela qal li x-xhud (Muscat) qed jinsisti li ma jsemmix ismijiet.

Bi tweġiba għal dan, il-Kap tal-PN staqsa: “allura hu aċċettabbli li għandu Ministru b’dell daqstant kbir fuq rasu?”

Bernard Grech qal li r-responsabbiltà politika ta’ Robert Abela titlob li hu jagħmel ħiltu kollha biex mill-iktar fis isir jaf min hu l-Ministru konċernat u wara jieħu l-passi meħtieġa. “Il-Prim Ministru għandu obbligu li jibża’ għal isem pajjiżna bil-fatti u mhux bil-kliem biss,” tenna l-Kap tal-PN