Lokali Parlament

Il-PN mhux se jaċċetta li l-Gvern jgħaddi minn fuq il-poplu; appell għal diskussjoni

Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech sostna li l-PN mhux se jaċċetta li l-Gvern jgħaddi minn fuq il-poplu bl-emendi fil-Liġi tal-Interpretazzjoni u appella għal diskussjoni bejn il-Gvenr u l-Oppożizzjoni biex tinstab soluzzjoni.

Fil-parlament il-Kap tal-PN qal li d-deputati kollha jieħdu ġurament hu li jservu u li jkunu leali lejn il-poplu, ir-Repubblika ta’ Malta u l-kostituzzjoni tagħha.

Hu sostna li l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni mhux fidil lejn il-poplu, ir-Repubblika ta’ Malta u l-kostituzzjoni anzi jmur kontra l-kostituzzjoni tal-pajjiż u anki kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Il-Kap tal-PN qal li l-Qorti Kostituzzjonali diġà ddikjarat li multi amministrattivi li jkunu daqs sanzjoni kriminali jistgħu jingħataw biss minn qorti indipendenti u imparzjali; dan bid-dritt għal smiegħ xieraq u bid-drittijiet kollha tal-appell.

Importanti li l-ġudikanti jkunu indipendenti u imparzjali biex iċ-ċittadini jkollhom il-każi tagħhom mismugħa skont id-drittijiet kollha. Il-Qorti sostniet li d-dritt tas-smiegħ irid ikun rispettat f’kull sajdu tal-proċess. Għalhekk il-multi amministrattivi kbar huma kastiġ u mhux danni.

F’Ottubru li għadda l-Ministru tal-Ġustizzja ressaq abbozz ta’ liġi biex jemenda l-kostituzzjoni biex inaqqas id-dritt tas-smiegħa xieraq li hu stabbilit fil-kostituzzjoni.

Dakinhar il-PN m’aċċettax li jkun parti mill-emenda u l-abbozz waqaf hemm iżda meta l-Ministru tal-Ġustizzja ra li l-PN kien għalaqlu dan id-dritt, xorta baqa’ jipprova jgħaffeġ id-drittijiet tal-Maltin billi ressaq dan l-abbozz li jemenda l-Att dwar l-Interpretazzjoni. Dan l-Att issa m’għandux bżonn l-appoġġ tal-Oppożizzjoni għax l-emendi m’għandhomx bżonn li jgħaddu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi; il-Ministru Zammit Lewis ipprova jgħaddi mill-ventilatur.

Il-Kap tal-PN qal li l-Ministru Zammit Lewis issa qed jipprova jbiddel liġi oħra iżda anki hawn; il-PN qed jibqa’ jkun fortizza għad-drittijiet tal-poplu. Diversi persuni ta’ rilevanza kkritikaw dan l-abbozz fosthom il-Kamra tal-Avukati, l-ex Imħallef Giovanni Bonello, l-ex Avukat Ġenerali Anthony Borg Barthet, l-ex Kummissarju Ewropew Tonio Borg, ex Dekan tal-Fakultà tal-Liġi Kevin Aquilina, l-espert dwar il-liġi kostituzzjonali l-Avukat Austin Bencini u l-ex Kummissarju tal-Liġijiet Franco Debono.

Il-PN mhux se jkun kompliċi ma’ Gvern li jrid jgħaddi romblu minn fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, sostna l-Kap tal-PN, li żied li hemm deputati tal-Gvern li wkoll li qed jopponu din il-liġi.

Hu sostna li l-PN lest jgħin u jagħmel emendi tajbin iżda l-Gvern irid jirtira dan l-abbozz u jsiru diskussjonijiet dwar dak li jixtieq il-Gvern; dan sakemm il-Gvern jirrispetta d-drittijiet tal-poplu.

Il-PN irid liġijiet u istituzzjonijiet aħjar iżda mhu se jħalli lill-ebda ministru jbiddel il-liġi biex jagħmel li jrid; jekk dan l-abbozz jgħaddi l-pajjiż ikun qed jarmi dak li qalet il-qorti Kostituzzjonali.

Hu appella lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Ġustizzja biex jifhem li l-emendi huma perikolużi, jirtira dan l-abbozz u jibdew diskussjonijiet għal soluzzjoni.