Futbol Sport

Il-President tal-UEFA jisħaq li l-partiti tal-EURO 2020 se jintlagħbu bil-partitarji

(Ritratt: Sky Sports)

Il-President tal-UEFA, Alexander Ceferin, stqarr li kull belt li se tospita l-partiti tal-EURO 2020 trid tagħti garanzija li se tħalli l-partitarji jidħlu fl-istadium, inkella jirriskjaw li jitilfu d-dritt li jospitaw il-partiti.

L-EURO 2020 huma skedati li jsiru fi tnax-il belt differenti madwar l-Ewropa u l-ibliet ikkonċernati jridu jdaħħlu l-pjanijiet ta’ kif se jospitaw il-partiti bil-partitarji fl-istadiums sa dan ix-xahar. Minkejja li l-livelli tal-coronavirus fil-pajjiżi Ewropej ivarja minn pajjiż għall-ieħor, Ceferin stqarr li l-għażla li ma jkunx hemm partitarji fil-grawnd hija l-unika għażla li mhux qed tiġi kkunsidrata mill-UEFA.

L-ibliet ikkonċernati jridu jdaħħlu l-pjanijiet tagħhom sas-7 t’April, bil-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA jiltaqa’ fid-19 t’April, fejn id-deċiżjoni finali tkun deċiża mill-Kungress tal-UEFA fl-20 t’April.