Lokali Qorti

Il-Qorti teħles lill-allegat traffikant tad-droga li pprova jevita ‘roadblock’ biex ma jiġix arrestat

Raġel li allegatament inqabad waqt roadblock tal-pulizija b’60 pakkett kokaina fil-vettura tiegħu x-xahar li għadda ġie meħlus fuq pleġġ, wara li qatta’ kważi xahar f’kustodja preventiva.

Lyon Bonnici ta’ 31 sena mill-Mosta kien twaqqaf mill-Pulizija f’Birkirkara wara li wettaq manuvra biex jevita l-ostaklu. Wara li twaqqaf, Bonnici kien imbagħad ipprova jaħrab b’veloċità eċċessiva, iżda ġie mwaqqaf u arrestat ftit wara.

Instab li kien qed iġorr id-droga u ammont kbir ta’ flus kontanti. Bonnici huwa magħruf sew mal-Pulizija u għandu diversi każijiet pendenti ta’ droga kontrih.

Huwa kien ingħata l-aħħar libertà proviżorja f’Jannar fuq pussess aggravat ta’ kokaina u kannabis f’ċirkostanzi li indikaw li ma kinux esklussivament għall-użu tiegħu.

Mhix l-ewwel darba wkoll li kien ipprova mingħajr suċċess jaħrab mill-Pulizija, wara li ġie akkużat b’dan u pussess ta’ eroina f’Jannar tas-sena li għaddiet.

Bonnici li meta tressaq il-ġimgħa li għaddiet ċaħad l-akkużi, issa inħeles fuq pleġġ, wara li l-avukat tiegħu Ishmael Psaila argumenta li ma kien hemm l-ebda xhieda ċivili oħra x’jinstema’ u li l-Qorti kellha l-mezzi biex tassigura li jżomm mal-kundizzjonijiet tagħha.

Il-Maġistrat Josette Demicoli ħelset lil Bonnici mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,500. Huwa meħtieġ ukoll li jiffirma ktieb tal-pleġġ kuljum fl-Għassa tal-Pulizija. L-Ispetturi Justine Grech u Roderick Spiteri qed imexxu l-Prosekuzzjoni. L-Avukat Ishmael Psaila huwa l-avukat difensur.