Il-Qorti Kostituzzjonali bagħtet l-atti lura lill-0Ewwel Qorti sabiex jitkompla s-smigħ dwar każ ta’ raġel li talab li ż-żwieġ tiegħu jiġi dikjarat null. Dan peress li qed jallega li martu kienet diġa miżżewwġa lil ħaddieħor.
Huwa bbaża l-każ tiegħu fejn tenna li meta l-kawża għal ritrattazzjoni ta’ sentenza quddiem il-Qorti tal-Appell, din instemgħet minn dik il-Qorti li żewġ membri tagħha kienu wkoll membri tal-istess Qorti li kienet tat is-sentenza attakkata.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul qalu li f’dan il-każ l-allegazzjoni hi li l-ksur seħħ bid-deċiżjoni fuq ir-rikuża u mhux bil-kanċellament, u għalhekk il-kanċellament ma għandux jitħassar ladarba ma hemm ebda allegazzjoni li kien bi ksur tad-drittijiet tar-raġel.
Madankollu l-Qorti iżda qalet li tqis li jekk jinsab illi tassew is-sentenza tal-Qorti tal-Appell tat-30 ta’ Novembru 2012 (dwar l-eċċezzjoni ta’ rikuża) ingħatat bi ksur tad-drittijiet tiegħu, dik is-sentenza ma tkunx tiswa, u konsegwentement ma tiswiex ukoll is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2013, u l-proċedura ta’ ritrattazzjoni jkollha tibda mill-ġdid.
Jekk imbagħad tintlaqa’ t-talba għal ritrattazzjoni, l-Appell jerġa’ jinstema’, u jinqata’ favur ir-raġel, ikun hemm sentenza finali li tiddikjara n-nullità taż-żwieġ u ma jkunx il-każ illi l-Qorti tal-Appell tibgħat l-atti lura lill-ewwel Qorti.
F’dak il-każ il-kanċellament tal-kawża quddiem l-ewwel Qorti ma kienx iseħħ – appuntu għax l-atti ma jkunux intbagħtu quddiem l-ewwel Qorti – u għalhekk isir irrelevanti u ma jistax ikun ta’ ħsara għall-attur.
L-Appell tar-raġel sar minn sentenza mogħtija fl-24 ta’ Novembru 2020 mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kompetenza Kostituzzjonali sar kontra l-Avukat tal-Istat wara li in il-Qorti ċaħdet talba tiegħu għal dikjarazzjoni li nkiser il-jedd tiegħu għal smigħ xieraq, imħares taħt l-art. 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali.
Dan fl-isfond ta’ meta kawża għal ritrattazzjoni ta’ sentenza quddiem il-Qorti tal-Appell instemgħet minn dik il-Qorti meta żewġ membri tagħha kienu wkoll membri tal-istess Qorti li kienet tat is-sentenza attakkata.
Patrick Spiteri kien kien iżżeweġ lil Sylvana Spiteri fit-3 ta’ Diċembru 1997. Fis-16 ta’ Frar 2009 huwa fetaħ kawża għal dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ għar-raġuni, fost oħrajn, illi meta ġie ċelebrat iż-żwieġ, il-mara kienet miżżewġa lil ħaddieħor.
Il-mara wieġbet illi ż-żwieġ preċedenti tagħha kien maħlul b’digriet ta’ divorzju mogħti minn Qorti f’California, li, għalkemm ingħata fid-19 ta’ Diċembru 2002, kien b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 1992, qabel iż-żwieġ tagħha ma’ Patrick Spiteri.
Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) b’sentenza tat-30 ta’ Marzu 2011 laqgħet it-talba biex jinħall iż-żwieġ għax kienet tal-fehma illi “fil-mument tal-kuntrattazzjoni taż-żwieġ bejn iż-żewġ partijiet, il-mara kienet għadha marbuta bi żwieġ ieħor, u għalhekk kienet inkapaċi li tikkuntratta żwieġ validu mar-raġel.
Il-mara appellat u l-Qorti tal-Appell, b’sentenza tal-25 ta’ Novembru 2011, laqgħet l-appell, ħassret is-sentenza tal-ewwel Qorti għax qieset illi “darba … hu ammess li skont il-liġi fejn il-mara u l-ewwel raġel tagħha iżżewġu, dak iż-żwieġ gie xolt b’effett mill-1 ta’ Jannar 1992, bil-Qorti trid tirrikonoxxi dik il-posizzjoni”, u bagħtet latti lura lill-Ewwel Qorti sabiex jitkompla s-smigħ fuq il-kawża l-oħra ta’ nullità taż-żwieġ.
Il-kawża ta’ ritrattazzjoni ġiet appuntata quddiem Qorti tal-Appell komposta mill-Imħallfin Silvio Camilleri u Tonio Mallia li kienu tnejn mill-Imħallfin sedenti fil-Qorti tal-Appell li kienet ippronunzjat is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2011.
Għalhekk Patrick Spiteri talab ir-rikuża tagħhom. Fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ rikuża billi l-meritu tas-sentenza mogħtija fil-25 ta’ Novembru 2011 kien jekk iż-żwieġ tal-koppja kienx null. Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet mod ieħor.
//= $special ?>