Wara l-akkużi serjissmi li saru fil-konfront tal-eks Ministru Laburista Chris Cardona fl-aħħar jiem, tasal reazzjoni oħra minn naħa tiegħu. Dan permezz ta’ stampa li poġġa’ fuq il-media soċjali akkumpanjata bil-mużika “Lies”.
F’din l-immaġini, Cardona qed jgħid li l-virus tal-Covid-19 ma jattakkax il-ġrieden u s-sriep. U allura, hemm uħud li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw.
Mhux ċar eżatt għal min qed jirreferi Chris Cardona bħala “sriep” u “ġrieden”.
F’dawn l-aħħar jiem, ix-xhud tal-Istat Vince Muscat “Il-Koħħu” semma’ lil Chris Cardona fil-pjan li tħejja biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Koħħu ikkonferma wkoll ir-rabta kbira li hemm bejn l-eks Deputy Leader Laburista mal-aħwa Degiorgio, akkużati b’dan l-assassinju.
Cardona minn naħa tiegħu qed jinsisti li hu, għal darbtejn, kien vittma ta’ frame-up.
Fl-istess proċeduri fil-Qorti, għal aktar minn darba, kien issemma’ anke l-eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri li allegatament kien qed ikollu kuntatt frekwenti ma’ Yorgen Fenech u anke Melvin Theuma.
