San Patrizju, il-qaddis patrun tal-Irlanda li iżda l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata f’ħafna pajjiżi, għal raġunijiet xi ftit differenti minn dawk reliġjużi.

Patrizju twieled fl-Ingilterra, iżda l-post eżatt tat-twelid tiegħu mhuwiex magħruf.
Il-famuża shamrock jew il-ħaxixa ingliża kif nafuha aħna saret is-simbolu tal-Irlanda wara li l-qaddis użaha fil-parabboli tiegħu. Fatt kurjuż hu li minkejja li San Patrizju huwa rikonoxxut mill-Knisja bħala qaddis, hu qatt ma ġie kkanonizzat.
Imma dan il-qaddis illum il-ġurnata jiġi mfakkar f’ħafna pajjiżi lil hinn mix-xtut Irlandiżi…u ġeneralment jiġi mfakkar b’tazza birra jew grokk mill-irqiq.
Din it-tradizzjoni daħlet anke f’pajjiżna minn ftit tas-snin ilu ‘l hawn bħal ma ġara f’diversi pajjiżi oħra.
Izda fl-isfond tal-pandemija, din is-sena dawn iċ-ċelebrazzjonijet setgħux isiru kif saru fl-aħħar snin.
Fl-Istati Uniti, il-parati kbar tħassru, madankollu fi New York se ssir past march b’tislima għall-frontliners, u li se tixxandar b’mod virtwali.
U l-awtoritajiet f’Chicago għal sena oħra tefgħu żebgħa li ħaddret iċ-Chicago River, tradizzjoni li ilha s-snin.

F’Philadelphia, se tisserva birra ħadra f’tazzi tal-plastik biex jiċċelebraw St.Paddy.

Intant, il-Ministru Irlandiż Patrick O’Donovan appella liċ-ċittadini ta’ pajjiżu biex din is-sena jqattgħu dan il-jum id-dar jew fil-ġnien u biex jevitaw l-alkoħol u jixorbu l-ilma minflok.
“Qed naraw it-tmiem fil-qrib” qal O’Donovan, b’referenza għas-sitwazzjoni tal-pandemija, filwaqt li saħaq li l-virus ma jistax jitħalla jerġa’ jidħol fid-djar Irandiżi.