Lokali Parlament

“Kont nistenna li l-Ministru Carmelo Abela jxejjen ix-xniegħat li hawn fuqu”

David Thake, PN

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal fl-Aġġornament tal-parlament llejla li kien jistenna li l-Ministru Carmelo Abela ixejjen ix-xniegħat li qed jingħadu fil-pajjiż bħalissa.

Dan intqal fil-bidu tal-Aġġornament minn David Thake eżatt wara li l-Ministru Camelo Abela ressaq l-Aġġornament tal-parlament.

Il-Ministru Carmelo Abela, li kien għadu fil-Kamra, insista li David Thake jissostanzja jew jirtira dak li qed jgħid.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hu kien stenna li l-Ministru Abela jxejjen ix-xniegħat kollha li qed iduru, li bla dubju l-ministru kien sema’ bihom.

Il-Ministru Abela reġa’ insista li d-deputat Nazzjonalista jkun ċar u jissostanzja u li jekk dan jsirx allura jeħodha li David Thake kien irtira dak li kien qal.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia intervjena u waqqaf il-kummenti bejn David Thake u Carmelo Abela.

Fid-diskors tiegħu d-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-persuni li jbatu minn marda ereditarja li teffettwa l-pulmun u s-sistema diġestiva tal-bniedem. Hu semma’ l-każ tat-tfajla Mandy Vella ta’ 26 sena, li tbati b’din il-kundizzjoni u li kienet kitbet ittra miftuħa lill-awtoritajiet fosthom lill-Prim Ministru.

Hi qalet li kienet iltaqgħet mal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-mediċina ogħla li għandha bżonn għaliex din il-mediċina biss tista’ ssalva din il-ħajja tagħha. Hi kienet imwiegħda li se tingħata risposta iżda s’issa ma kellha l-ebda risposta waqt li saħħitha sejra lura u qed tħossha li qed tkun abbużata mentalment mill-awtoritajiet.

Jirriżulta li hawn 24 persuna li jbatu minn din il-kundizzjoni iżda tmienja biss jistgħu jibbenefikaw mill-mediċina li tiswa €18,000 fix-xahar għal kull persuna fl-ammont ta’ €110,00 fix-xahar, €1.3 miljun fis-sena. Għall-Gvern dawn għandhom ikunu fattibbli iżda l-pożizzjoni tal-Gvern hi li dawn il-mediċini hemm ikunu kkunsidrati biex jidħlu fil-formolarju tal-Gvern.

Dawn huma mediċini li għaddew mill-iskrutinju tal-aġenziji Ewropew u għalhekk għandhom l-approvazzjoni li jintużaw f’Malta. Meta jrid il-Gvern jimxi malajr u hekk għandu jagħmel f’dan il-każ. Dawn it-tmien familji għandhom bżonn l-għajnuna b’mod immedjat u l-Gvern hu obbligat li jgħinhom.