Il-Bank Malti għall-Iżvilupp u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem iffirmaw ftehim li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ naħat sabiex huma jintensifikaw il-kollaborazzjoni, il-bdil ta’ informazzjoni u l-promozzjoni reċiproka permezz tal-mezzi disponibbli għalihom.
Il-ftehim kien iffirmat mid-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia, u d-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MDB Paul V. Azzopardi, f’isem iċ-Chairman tal-Bank, il-Prof Josef Bonnici.
B’mod partikolari, il-ftehim se jiżgura żieda fl-għarfien fost il-membri tal-MEA tal-iskemi disponibbli permezz tal-MDB li huma intiżi biex jiżguraw l-iżvilupp u t-tkabbir tan-negozji permezz ta’ rati ta’ finanzjament vantaġġjużi kif ukoll spejjeż u garanziji personali aktar baxxi.
Permezz tal-għodda diġitali MEAINDEX, dan il-ftehim jippermetti li tingħata promozzjoni għas-servizzi offruti mill-MDB, bħalma diġà jseħħ ma’ 12-il entità oħra li bħalissa huma msieħba kollaborattivi f’dan il-proġett. Il-pjattaforma diġitali MEAINDEX li bħalissa qed tkun segwita minn ‘il fuq minn 38,000 imprenditur, qed isservi ta’ mezz ta’ komunikazzjoni effettiva, bejn istituzzjonijiet li jiffurmaw parti mill-ekosistema tan-negozju u s-56,000 employer li bejniethom qed jiġġeneraw mal-200,000 impjieg f’pajjizna.
Din ir-relazzjoni tieħu rilevanza akbar fix-xenarju attwali fejn in-negozji qed ifittxu li jibqgħu għaddejjin f’dawn iż-żminijiet diffiċli li ġabet magħha l-pandemija filwaqt li fl-istess ħin iħarsu lejn il-futur. Min-naħa tiegħu, l-MDB ifittex ukoll li jilħaq bilanċ bejn dawn iż-żewġ għanijiet. Wara l-bidu tal-kriżi tas-saħħa fl-2020, il-Bank dawwar l-isforzi tiegħu fuq il-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha. Fl-aħħar 10 xhur, permezz tal-Iskema ta’ Garanziji tal-Covid-19, l-MDB għen biex madwar €420 miljun għaddew għand in-negozji f’faċilitajiet differenti, negozji li bejniethom iħaddmu aktar minn 30,000 persuna. Fl-istess waqt, il-Bank qed jippożzizzjona lilu nnifsu bħala xprun tar-riġenerazzjoni ekonomika billi jimmira dawk in-negozji li qed jippjanaw investiment kapitali billi jipprovdi aċċess aktar faċli għal finanzjament permezz tal-intermedjazzjoni ta’ banek privati.
Element essenzjali tal-ħidma tal-MDB jikkonsisti fil-monitoraġġ kontinwu biex ikun żgurat Ii l-iskemi u l-istrumenti tiegħu jirriflettu l-bżonnijiet tas-suq. F’dan il-kuntest, relazzjoni b’saħħitha mal-entità ewlenija li tirrappreżenza lil min iħaddem se tiżgura feedback kontinwu biex b’hekk il-Bank isaħħaħ ir-rwol tiegħu li jgħaqqad is-settur bankarju ma’ dak kummerċjali.
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-MDB, Paul V. Azzopardi rrimarka l-importanza ta’ dan il-ftehim: “L-aċċess għall-finanzi hu kruċjali għall-iżviluipp tal-intrarpriżi, b’mod speċjali SMEs, li ġeneralment ikollhom aċċess limitat għas-swieq kapitali. Permezz tar-relazzjoni msaħħa mal-MEA, se niżguraw Ii aktar imprendituri jsiru jafu x’inhuma l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli għalihom. Dan se jsaħħaħ l-isforzi tagħna biex nappoġġjaw ir-riġenerazzjoni tal-ekonomija Maltija fix-xhur li ġejjin.”
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia qal: “Bl-iffirmar ta’ dan il-ftehim, f’dawn iż-żminijiet diffiċli tal-pandemija, l-MEA se tkun qed tkompli tgħin u tinkoraġġixxi lill-membri tagħha biex ma jaqtgħux qalbhom milli jkomplu jinvestu u jħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu, u fejn ma jaraw li ma jistgħux jaslu finanzjarjament, jagħmlu l-kuraġġ, ifasslu business plan oġġettiv u ambizzjuż, u bil-ghajnuna tal-MDB jkunu jistgħu jiġu mwieżna, u jaslu sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom. L-MEA sa minn dejjem għarfet li tkun spalla kemm għal membri tagħha kif ukoll għall-istituzzjonijiet li jkunu qed joffru skemi u għajnuniet.”
Farrugia esprima wkoll ringrazzjament għaċ-Chairman, diretturi u uffiċjali fi ħdan l-MDB, tal-fiducja li wrew fl-MEA u l-pjattaforma digitali MEAINDEX. Sostna li l-Assoċjazzjoni tinsab ċerta li dan il-ftehim ser iħalli l-frott meħtieġ u se jkun ħolqa oħra importanti għal MEAi tkompli tiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni għas-settur tan-negozju, u permezz ta’ dan il-ftehim mal-MDB, niffaċilitaw ukoll l-aċċess għall-finanzi mmirati għal aktar investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.
//= $special ?>