Lokali

L-MPA tikkundanna “n-nuqqas ta’ professjonalita'”u l-mod “dilettantesk” ta’ kif wieġeb il-Korp

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija (MPA) ikkundannat “in-nuqqas ta’ professjonalita'” u l-mod “dilettantesk” ta’ kif l-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Korp tal-Pulizija wieġeb għal mistoqsijiet leġittimi ta’ membri fl-istess Korp tal-Pulizija.

F’post fi grupp privat riservat għall-membri tal-Korp, numru ta’ pulizija kienu qed jistaqsu dwar benefiċċji li tħabbru għal membri tal-Korp tal-Pulizija li huma ġenituri.

Iżda t-tweġiba “uffiċċjali” għal dawn il-mistoqsijiet leġittimi mill-paġna uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta kienet stampa GIF ta’ raġel jidħak.

RITRATT: Silta mill-post fejn il-paġna uffiċjali tal-Korp wieġbet għall-mistoqsijiet tal-pulizija b’GIF file ta’ raġel jidħak

F’post fuq Facebook, l-MPA talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga min kiteb din ir-risposta u jittieħdu l-passi meħtieġa.

L-MPA talbet ukoll lill-membri li bagħtu applikazzjoni għal dan il-leave speċjali biex jibgħatu kopja lill-istess assoċjazzjoni. Fl-aħħarnett, l-MPA esprimiet is-solidarjeta’ mal-membri tal-Korp li kienu trattati b’dan il-mod abbużiv.