Coronavirus Edukazzjoni Lokali

L-O-levels u l-A-levels se jsiru kif ippjanat – MATSEC

Ritratt: Arkivji

Il-Junior College tikkanċella l-eżamijiet għall-istudenti tal-ewwel sena

L-Eżamijiet tal-O-levels u l-A-levels ser isiru kif u meta ppjanat.

Dan saħqu l-bord tal-MATSEC fejn ġie spjegat li minkejja l-iskejjel momentarjament qalbu kompletament fuq tagħlim virtwali kawża taż-żieda tal-każi ġodda ta’ Covid-19 fl-iskejjel, l-eżamijiet ser ikunu qed isiru bejn Ġunju u Lulju kif pjanat.

Kelliema tal-Matsec board li tkellmu mal-ġurnal Times of Malta sostnew li l-preparamenti għaddejjin sabiex l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet fix-xhur tas-sajf, b’arranġamenti simili ħafna tal-eżamijiet li saru fix-xahar ta’ Settembru li għadda. Tul dawk l-eżamijiet, dawk il-persuni li pparteċipaw kellhom jilbsu l-maskri ta’ protezzjoni kif ukoll josservaw id-distanza soċjali.

Intant fil-Parlament il-Ministru Justyne Caruana kkonfermat li l-eżamijiet tal-Junior College għall-istudenti tal-ewwel sena ser ikunu kkanċellati bil-konsegwenza li ser ikunu qed jiġu promossi għat-tieni sena abbażi tal-assessjar ta’ matul is-sena.

Madanakollu fil-post-sekondarja Għawdxija ser ikunu qed ipoġġu għall-eżamijiet f’Ġunju.

Dan filwaqt li l-format tal-eżamijiet fl-Università ta’ Malta se jkun qed jiġi deċiż mill-fakultajiet b’għażla bejn eżami fil-campus jew online.

Il-pjan tal-Gvern huwa li jiftaħ l-iskejjel mill-ġdid fit-12 ta’ April madanakollu l-Ministru Caruana  mhux qed teskludi li dan l-għeluq jiġi estiż.