Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Illum mhux se jaffaċċja l-kontro-eżami fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Alfred u George Degiorgio, magħrufin bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż rispettivament. Dan wara li talab biex jinstemgħu r-recordings li għamel Theuma, bil-Qorti tibgħat l-atti lura lill-Qorti Kriminali.
Għaldaqstant is-smigħ li kellu jsir fl-awla numru 22 tal-Qorti intemm ħesrem mingħajr ma sar xejn. Issa kollox jinsab f’idejn il-Qorti kriminali li għandha tiddeċiedi kif se tipproċedi, minħabba r-rifjut tad-difiża li tikkonforma mad-digriet tagħha fuq dawn il-proċeduri.
L-aħwa George u Alfred Degiorgio huma akkużati li poġġew l-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia taħt il-karozza tagħha fil-viċinanzi tar-residenza tagħha fil-Bidnija u splodewha fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.
Vince Muscat ta’ 59 sena mill-Marsa magħruf bħala “Il-Koħħu” kien ukoll akkużat b’dan id-delitt iżda fit-23 ta’ Frar huwa ddeċieda li jammetti l-qtil u ġie kundannat 15-il sena ħabs.
George Degiorgio ta’ 55 sena u ħuh Alfred Degiorgio ta’ 53, it-tnejn minn San Pawl il-Baħar , qegħdin jiġu mixlija wkoll b’numru ta’ akkużu relatati ma’ splussivi.
Fil-bidu tal-kumpilazzjoni id-difiża qalet li qed tirrifjuta li tagħmel il-kontro-eżami lil Theuma sakemm ir-recordings li huwa għamel jinstemgħu fil-Qorti.
L-avukat difensur William Cushcieri qal li filwaqt qed jieħu nota tad-digriet tal-Imħallef Edwina Grima li ddikjarat li jistgħu jinstemgħu biss recordings rilevanti, mhux se jkun qed jipproċedi bil-kontro-eżami sakemm Theuma jintalab biex jisma’ r-recordings.
Essenzjalment l-aħwa Degiorgio qed jirrifjutaw li jikkonformaw ma’ ordni mogħtija tal-Imħallef. Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal minn naħa tiegħu li din il-pożizzjoni tmur kontra żewġ digrieti mogħtija mill-Qorti kriminali, li ordnaw mod ieħor.
Huwa qal li xejn ma jimpedixxi lid-difiża milli tisma’ siltiet tar-recordings lil Theuma, li mbagħad jistgħu jispjegaw il-kuntest tagħhom u min huma l-kelliema.
Galea Farrugia argumenta li r-rifjut tal-akkużat li jagħmel kontro-eżami lil Theuma għandu għalhekk ifisser li qed jitilfu d-dritt tagħhom li jagħmlu dan. L-avukat ta’ parte civile Jason Azzopardi jgħid lill-qorti li huma jissekondaw dik il-pożizzjoni.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li kienet se tieħu nota tal-pożizzjoni tad-difiża u sostniet li ma tistax iġġiegħel lid-difiża tagħmel xi ħaġa li ma tridx tagħmel. Hija għalhekk qed tibgħat records tal-każ lura lill-Qorti Kriminali, biex din tiddeċiedi kif xieraq.
Il-kumpilazzjoni hija preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra, mgħejjuna mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qegħin imexxu l-Prosekuzzjoni.
L-Avukat William Cuschieri qed jidher għall-aħwa Degiorgio filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi uTherese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parte civile għall-familja Caruana Galizia.