Lokali

Mewġa ta’ solidarjetà ma’ Mandy Vella

Il-familja Vella rċeviet mewġa ta’ solidarjetà wara li nhar it-Tlieta Net News tefa’ dawl fuq is-sitwazzjoni diffiċli li sabu ruħhom fiha fl-aħħar snin.

Net News nhar it-Tlieta tkellem ma’ Edwin Vella, missier Mandy, tfajla ta’ 26 sena li tbati mill-kundizzjoni tas-Cystic Fibrosis.

Fil-kummenti tiegħu, missier Mandy għamel appell imqanqal lill-Gvern hekk kif il-kundizzjoni ta’ bintu qiegħda tmur għall-agħar minħabba li għandha bżonn mediċina li sa issa mhix provduta mill-Ministeru tas-Saħħa.

Mandy għandha bżonn trattament b’mod urġenti li jiswa €18,000 fix-xahar. It-trattament bl-isem Trikafta, ġie approvat mill-Ujoni Ewropa f’Awwissu tas-sena li għaddiet, iżda bħalissa mhux disponibbli f’Malta.

Missier Mandy spjega li hu u l-famillja tiegħu ilhom għaddejjin snin twal minn martirju.

Wara li s-sitwazzjoni ta’ Mandy ħarġet fil-pubbliku aktar kmieni din il-ġimgħa permezz ta’ Net News, kienu għexieren dawk li fuq Facebook esprimew ix-xewqa li jgħinu jinġabru fondi għat-trattament tat-tfajla.

F’kummenti li tat, Mandy esprimiet il-gratitudni tagħha għal din il-mewġa kbira ta’ solidarjetà fil-konfront tagħha u tal-familja tagħha, u qalet li dan kollu jimliha b’ħafna kuraġġ.

Wara dawn l-aħħar żvilupi tal-aħħar jiem, missier Mandy issa jinsab fil-proċess li jiftaħ kont bankarju li permezz tiegħu jkunu jistgħu jsiru donazzjonijiet biex jgħinu lil bintu tixtri t-trattament li għandha bżonn.

Fost dawk li offrew l-għajnuna kien hemm saħansitra persuni li jinsabu huma stess f’sitwazzjoni delikata finanzjarjament, b’kummenti minnhom jgħid: “Jien ilni sitt xhur bil-ħanut magħluq imma lest li ngħin milli nista.”