Pajjiżna jeħtieġlu Gvern li f’sitwazzjoni ta’ kriżi dinjija jieħu d-deċiżjonijiet f’waqthom u mhux jinħakem mill-paniku għad-detriment ta’ saħħet il-poplu Malti u Għawdxi.
Sostnew dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said u l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’konferenza tal-aħbarijiet fejn Chris Said insista dwar il-bżonn li l-Gvern ta’ Robert Abela jieqaf iwassal messaġġi kunfliġġenti.

Huwa saħaq illi filwaqt li pajjiżna għadu qed jirreġistra ammonti għoljin ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 jum wara l-ieħor, hemm Għawdxin li għadhom qed jirċievu stediniet sabiex jiġu mlaqqma f’Malta – minkejja l-wiegħda ta’ Robert Abela li l-Għawdxin kollha ser ikunu qed jingħataw l-vaċċin f’Għawdex stess.
Chris Said żvela kif il-Gvern qed iħabbar miżuri li mhux qed jinforza – fosthom dawk li jirrigwardaw l-ivjaġġar bejn iż-żewġt igżejjer.
Id-Deputat Nazzjonalista appella sabiex fid-dawl ta’ dan kollu l-Contact Tracing għandu jittieħed b’serjetà akbar….u propona li titwaqqaf Contact Tracing Unit f’Għawdex bil-għan li jitħaffef il-proċess fil-gżira Għawdxija u jonqos il-piż minn fuq iċ-ċentru f’Malta. Dan filwaqt li appella wkoll sabiex jingħata bidu għall-ittestjar tal-PCR Swab tests f’Għawdex ukoll.

Il-kandidat Alex Borg sostna li sforz it-tkaxkir tas-saqajn, l-indeċiżjoni tal-Prim Ministru u l-messaġġi kunflingenti…. spiċċaw ibgħatu l-konsegwenzi n-negozji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari s-settur turistiku Għawdxi u l-impjegati kollha li jaqgħu taħtu.
Alex Borg saħaq li fis-snin preċedenti taħt Gvern Nazzjonalista l-poplu ħareġ minn kriżijiet min għajr ħsara – għaldaqstant, Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ser ikun qiegħed jagħti widen lil poplu sabiex flimkien man-negozji, żgħażagħ u anzjani tingħata bidu għal paġna ġdida halli isir dak kollu possibli għal ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
