Lokali

Skomdi dwar il-Ministru li semma’ l-Koħħu

Hu evidenti li l-Ministri fil-Kabinett ta’ Robert Abela qed jgħixu sitwazzjoni ta’ skumdità qawwija fost sensiela li ddominaw it-tmien snin tal-Gvern Laburista. Dan wara li fil-Qorti, Vince Muscat irrefera għal Ministru attwali u li allegatament kien involut f’każ kriminali preċedenti.

Iffaċċjati mill-mistoqsija ta’ NET News jekk iħossuhomx komdi li bilqegħda ħdejhom fil-Kabinett hemm persuna li ssemmiet minn Vince Muscat dwar każ kriminali, il-Ministri Byron Camilleri u Michael Farrugia ħarbu milli jwieġbu.

Fil-fatt, il-Ministru Camilleri qal biss li se joqgħod fuq it-tweġiba li ta lejliet il-Prim Ministru, minkejja li l-Prim Ministru kulma qal kien li talab informazzjoni mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija.

Min-naħa tiegħu, fi sforz biex jipprova jitfa’ dell ikrah fuq ix-xhieda ta’ Vince Muscat aktar milli biex jgħatti xtur sħabu fil-Kabinett, il-Ministru Michael Farrugia qal li l-informazzjoni li semma’ l-Koħħu għadha qed tiġi vverifikata. Dan minkejja li Muscat ingħata l-Maħfra Presidenzjali wara l-parir tal-Kabinett stess, li min-naħa tiegħu kellu preżentazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija.

Sadanittant, wara l-akkużi serji li saru fil-konfront tal-eks Ministru Laburista Chris Cardona fl-aħħar jiem, tasal reazzjoni oħra min-naħa tiegħu. Dan permezz ta’ stampa li poġġa’ fuq il-media soċjali akkumpanjata mill-mużika “Lies”.

Fil-post, Cardona qal li l-virus tal-Covid-19 ma jattakkax lill-ġrieden u lis-sriep u allura, hemm uħud li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw. Mhux ċar eżatt għal min qed jirreferi Chris Cardona bħala “sriep” u “ġrieden”.

Fl-aħħar jiem, Vince Muscat semma’ lil Chris Cardona fil-pjan li tħejja biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu kkonferma wkoll ir-rabta kbira li hemm bejn l-eks Deputat Mexxej Laburista u l-aħwa Degiorgio, akkużati b’dan l-assassinju.