Internazzjonali

St Patrick’s Day: L-avvenimenti virtwali jieħdu post il-parati tradizzjonali

Il-pajjiżi madwar id-dinja qed jiċċelebraw St Patrick’s Day b’sensiela ta’ avvenimenti online ( virtwali) minflok bis-soltu parati tradizzjonali u festivals tal-birra għall-pubbliku.

L-aktar monumenti u siti prominenti madwar id-dinja, sadanittant, ingħataw ‘libsa ħadra’ – permezz ta’ dwal u forom oħra ta’ illuminazzjoni – f’unur il-qaddis padrun tal-Irlanda.

Intant, il-maġġoranza tal-pajjiżi ma permettewx li jiltaqgħu l-gruppi tan-nies għall-okkażjoni,  b’dan isir bħala ‘prekawzjoni ewlenija’ kontra l-firxa tal-coronavirus. Dan meta l-famużi parati ta’ St Patrick’s f’Dublin  (fir-Repubblika Irlandiża) u Belfast (fl-Irlanda ta’ Fuq) kellhom jitħassru għat-tieni sena konsekuttiva.

Fl-istess ħin, madankollu, qed ikunu organizzati numru ta’ avvenimenti fl-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Irlandiża u li qegħdin jintwerew online bis-sistema ta’ live streaming. L-avvenimenti jinkludu online disco u avvenimenti mużikali oħra f’Belfast – b’aktar minn 100 avveniment ieħor ‘online’ isiru fir-Repubblika tal-Irlanda u li qed jixxandru madwar id-dinja.