“Il-proċess ta’ approvazzjoni għal vaċċini li jittrattaw varjanti tal-COVID19, jeħtieġ li jiġi adattat biex jagħti ċertezza u ċarezza aktar malajr – mingħajr ma jikkomprometti l-istandards tas-sigurtà tagħna,” qalet Roberta Metsola.
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew kienet qed titkellem wara li nħatret biex tmexxi l-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew f’negozjati li se jimmodifikaw il-proċess ta’ approvazzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati l-varjanti ġodda tal-virus COVID-19.
“Mhuwiex kompitu impossibbli li jinżammu l-ogħla standards ta’ sikurezza u sigurtà u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-proċess jiġi ssimplifikat għal effiċjenza massima. Qed naraw vaċċini li huma diġà approvati u li diġà għaddew minn skrutinju sħiħ. Hemm bżonn li ċerti kontrolli jiġu modifikati, biex jindirizzaw il-mutazzjonijiet jew varjanti tal-virus COVID-19. F’dawn il-każijiet nistgħu u għandna nkunu kapaċi nmexxu aktar malajr u ngħinu lill-pajjiżi jiffaċċjaw l-hekk imsejħa tielet mewġa tal-virus li qed naraw tinfirex fl-Ewropa,” qalet il-VP Metsola.
Sabiex il-vaċċini jżommu l-effikaċja tagħhom kontra mutazzjonijiet jew varjanti tal-virus li jistgħu jevolvu maż-żmien, jistgħu jkunu meħtieġa adattamenti għas-sustanza attiva ta’ dawk il-vaċċini li diġà ġew approvati,.
“Peress li l-varjanti differenti tal-virus huma diġà preżenti fostna, huwa importanti li nindirizzaw l-aspett regolatorju li jista’ jipprevjeni l-approvazzjoni effettiva tal-vaċċini għal dawn il-varjanti. Nistgħu nirrazzjonalizzaw il-proċess u nagħmluh aktar ċar u sempliċi, kemm għall-iżviluppaturi tal-vaċċini, kif ukoll għall-awtoritajiet regolatorji Ewropej. Nistgħu nagħmlu dan b’mod sikur. Hemm bżonn li nsaħħu il-fiduċja tan-nies fil-vaċċini billi niżguraw li ma nagħmlux kompromessi dwar l-istandards għoljin eżistenti tagħna ta’ sigurtà pubblika,” ikkonkludiet il-VP Metsola.
//= $special ?>