Traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ ħaddiem ta’ 52 sena residenti x-Xewkija – il-mewt ta’ Charlie Attard – aħbar li ħasdet lill-Għawdxin kollha kmieni l-Ħamis filgħodu.
Kien għall-ħabta tad-9:30am meta waqa’ saqaf ta’ latrina pubblika – saqaf illi ċeda fuq ħaddiem tal-komunità, Charlie Attard, raġel tal-familja, missier maħbub, waqt li kien qed jagħmel xi xogħol fid-Dwejra f’Għawdex.
Persuni qrib il-vittma li tkellmu ma’ Net News qalulna li Charlie kien persuna li jgħin lil kulħadd, bniedem ta’ prinċipju u tal-familja – il-familja li għalih kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Hu ġie ċċertifikat mejjet fil-post, ftit wara li seħħ l-inċident meta l-pulizija kienet għaddejja bi tfittxija għalih. Membri tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll involuti f’din il-ħidma.
Charlie Attard kien deskritt minn pesuni qrib tiegħu bħala persuna twajjeb, dejjem disponibbli, ġeneruż u bieżel ferm. Tul ħajtu, Charlie għamel żmien twil jgħin fl-armar tal-festa tar-raħal, li tant kienet għal qalbu. Iżda mhux biss, hu kien jgħin f’ħafna xogħol ta’ tisbiħ li kien isir madwar il-gżira Għawdxija, b’mod partikolari fil-Knejjes fejn dan l-aħħar anke għamel xogħol fil-Katidral tar-Rabat Għawdex.
Sa issa, għad trid tiġi stabbilita b’ċertezza l-kawża li wasslet biex ċeda dan is-saqaf. Minkejja li ingħata għajnuna medika immedjata, Charlie Attard miet fil-post.
F’post fuq Facebook, it-tifla l-kbira ta’ Charlie, Dorothy, f’messaġġ ta’ qsim il-qalb qalet li ma tistax temmen li mhux se tara lil missierha aktar, mhux se tisma’ aktar leħnu u mhux se jerġa’ jkollha t-tgħanniqa ta’ missierha li tant kienet tħobb. “Kien għad baqalna ħafna x’nagħmlu iżda l-bambin għażel fjura bħalek, issa strieħ fis-sliem u żomm idejk fuqna” qalet bint Charlie.
Bil-każ ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.
//= $special ?>