Internazzjonali

Covid-19: Ir-Renju Unit konvint li se jegħleb l-intoppi biex jilħaq il-miri tat-tilqim

L-awtoritajiet fir-Renju Unit qegħdin jirreaġġixxu għal sitwazzjoni fejn mistennija tonqos il-provvista tal-vaċċin għal dan il-pajjiż. Is-sitwazzjoni qed tidher dovuta, f’parti, għal dawmien fil-proċessi tad-distribuzzjoni ta’ ħames miljun doża tal-AstraZeneca mill-Indja.

Jidher, issa, li l-kunsinna –prodotta mis-Serum Institute tal-Indja – ħabbtet mal-intoppi li x’aktarx ifissru dawmien ta’ erba’ ġimgħat sakemm jaslu fir-Renju Unit. Madankollu, il-Gvern Britanniku għamilha ċara li l-ebda fabbrika, faċilità jew pajjiż ma huma responsabbli għall-intoppi relatati mal-provvista tal-vaċċin.

Sar magħruf ukoll li l-Gvern Britanniku sar jaf biss ‘fl-aħħar ġranet’ dwar l-issues relatati mal-provvista tal-vaċċini – u meta l-kelliema f’Londra huma konvinti li l-programmi tat-tilqim mgħamdhomx jaqgħu lura ħafna.

Ir-Renju Unit xorta waħda qed ikompli fi triqtu lejn in-normalità meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra, Dan meta d-Dipartiment tas-Saħħa fil-pajjiż insista li se jirrealizza l-impenn biex ilaqqam liċ-ċittadini adulti kollha sal-aħħar ta’ Lulju.

Fl-istess ħin, il-Gvern hu konvint li għandu joffri l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 liċ-ċittadini kollha li għandhom ‘il fuq minn 50 sena sal-15 ta’ April.

Il-kelliema għall-Gvern qalu wkoll li ċ-ċittadini kollha li ngħataw l-appuntament għat-tieni tilqima kontra l-Covid ‘għandhom iserrħu rashom kompletament li dan l-appuntament se jinżamm.’

Sadanittant, kompliet it-tensjoni – u t-tilwima diplomatika –bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea dwar l-esportazzjoni tal-vaċċini.

Fl-aħħar sigħat, il-Ministri Britanniċi kritikaw bl-aħrax lil Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, wara li hi qalet li ‘l-UE tista’, ‘il quddiem, tirrifletti dwar jekk l-esportazzjoni tal-vaċċini lill-pajjiżi b’ rati ta’ tilqim superjuri ‘għal tal-Ewropa’ għadhiex tinżamm f’dan il-livell proporzjonali’.

Hu indikat li Von der Leyen kapaċi tattiva ‘poteri eżekuttivi’ biex jinżamm il-vaċċin f’każ li ma jsirx titjib fil-proċessi tad-distribuzzjoni tal-vaċċin lill-Ewropa.

It-tilwima ħraxet wara li l-President tal-Kunsill Ewropea, Charles Michel, qal, jiem ilu, li r-Renju Unit kien ‘impona projbizzjoni effettiva’ għall-esportazzjoni tal-vaċċini u l-komponenti tagħhom. Madankollu, ir-Renju Unit ċaħad bil-qawwi għal dan u sostna li l-kliem ta’ Michel ‘mhumiex veritiera’.

Intant, il-battibekki dwar il-vaċċini għadhom għaddejjin bejn Londra u Brussell – b’Ursula von der Leyen tisħaq li ‘l-UE għadha tistenna l-esportazzjoni tal-vaċċini mir-Renju Unit filwaqt li qed tinsisti dwar il-kunċett ta’ reproċità fil-kwistjoni’.